“L-avvenimenti fil-Parlament din il-ġimgħa urew li t-tmexxija mhix li tagħmel l-aktar storbju iżda li tagħti eżempju permezz ta’ dibattitu kostruttiv, rispett u konsistenza. Meta t-tmexxija ta’ partit ssostni li l-partit li jirrappreżenta llum jinsab f’pożizzjoni aktar b’saħħitha, l-ewwel trid tagħraf jekk verament poġġietx darha f’ordni.”
Dikjarazzjoni qawwija minn Simon Castillo, għal snin twal esponent u attivist tal-Partit Nazzjonalista fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook l-Erbgħa filgħaxija.
Dikjarazzjoni li għalkemm ma tirreferix għall-Partit Nazzjonalista u għal Bernard Grech b’ismu, madankollu tinftiehem b’mod ċar ir-referenza għalihom.
Castillo żied jgħid, “Kif tista’ t-tmexxija tgħid li għamlet progress meta l-pedamenti jibqgħu dgħajfa, kwistjonijiet finanzjarji mhux solvuti, u deċiżjonijiet kritiċi ma jiġux indirizzati? Il-kredibbiltà mhix mibnija fuq dikjarazzjonijiet.”
Simon Castillo kompla jgħid li t-tmexxija mhix dwar il-ħolqien ta ‘illużjoni ta’ progress, iżda dwar kredibilità permezz ta’ azzjoni.
Din l-aħħar dikjarazzjoni ta’ Castillo, tidwi dak li qal ftit tal-ġranet ilu, f’artiklu fil-Malta Independent on Sunday, Emmanuel J. Galea, attivistanazzjonalista Għawdxi u missier is-sieħba ta’ Adrian Delia.
Galea qal li Bernard Grech m’għandux viżjoni u li mhuwiex mexxej li jista’ jispira. Meta mistoqsi, minn ONE News, dwar dak li kiteb il-kunjatu ta’ Delia, viżibilment skomdu, Grech rema lil Galea billi qal li ‘ma jafx min hu’.