l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar l-impenn tal-gvern li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali ssir. Joseph Muscat qal dan f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Alternattiva Demokratika, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, immexxija minn Carmel Caccopardo. Żied li huwa dispjaċir tiegħu li din tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali kienet waħda mill-ftit affarijiet li ma sarux fil-leġiżlatura li għaddiet.
Il-Prim Ministru qal li l-ikbar kwistjonijiet li jista’ jkun hemm tista’ ddur mal-forma li se tieħu l-konvenzjoni. “Dwar il-kumplament hemm iktar li jista’ jgħaqqadna milli jifridna,” qal il-Prim Ministru li tenna kif dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm ideat differenti minn xulxin. Tkellem ukoll dwar il-ħsieb tal-Partit Laburista li l-Konvenzjoni ma tkunx xi ħaġa tal-parlament biss, imma jkun hemm stil li jinvolvi firxa wiesgħa mis-soċjetà. Joseph Muscat innota wkoll kummenti dwar l-istituzzjonijiet u qal li filwaqt li l-Alternattiva Demokratika kienet kritika tal-gvern, kif għandha kull dritt, kienet meqjusa fil-kritika tagħha.
Tenna li l-kritika għandha tkun ġustifikata u mhux maħsuba biex timmina l-istituzzjonijiet.