Erba’ Deputati Kumissarji tal-Pulizija rċevew l-ħatra tagħhom mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà.
Silvio Valletta nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għall-Investigazzjonijiet Kriminali, Mario Spiteri nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għar-Riżorsa Umana u l-Amministrazzjoni, Carmelo Magri nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għal Xogħol Operattiv u tad-Distretti u Antoine Casha nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għal Affarijiet Legali, tal-Finanzi, t-Teknoloġija Informatika u tal-Komunikazzjoni.
L-erba’ Deputati Kummissarji servew fir-rwol ta’ Assistent Kummissarju għal numru ta’ snin u huma meqjusa bħala persuni kompetenti u speċjalizzati fil-qasam assenjat lilhom.
Il-Ministru Abela qal kif il-Pulizija llum qed topera f’soċjetà li qed tinbidel fejn anke s-soċjetà u l-kriminalità qed tevolvi b’rata mgħaġġla. Għaldaqstant kull Deputat Kummissarju se jkun qiegħed jiffoka fuq oqsma differenti u speċjalizzati.
Irrimarka kif din il-kariga fit-tmexxija tal-Korp iġġib magħha responsabbilitajiet ġodda. Huwa qal lil erba’ Deputati Kummissarji kif huma għandhom iservu ta’ spalla għal Kummissarju tal-Pulizija fid-dmirijiet tiegħu marbuta ma’ xogħol investigattiv u għal Kap Eżekuttiv tal-Pulizija għal xogħol amministrattiv. Semma kif hu mistenni li dawn il-ħatriet għandhom iwasslu għal iżjed deċentralizzazzjoni fil-Korp. Abela qal li spiċċa ż-żmien fejn kull deċizjoni trid titla’ sal-livell tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Ministru Abela innota kif dawn il-ħatriet qegħdin isiru fi żmien importanti għal Korp fejn qed jgħaddi minn perjodu ta’ tibdil u tisħiħ biex ikollna Korp iżjed modern. Huwa awguralhom kull risq fir-rwol tagħhom u wera l-fiduċja tiegħu f’dawn l-erba’ persuni li ddeskrivihom bħala integri sabiex ikomplu jmexxu lil Korp u lill-membri tal-Pulizija ’l quddiem.
Dawk preżenti ġew indirizzatti wkoll mill-Kummissarju tal-Pulizija fejn wera is-sodisfazzjon li dawk li ħadu din il-kariga dejjem ħadmu miegħu bħala team u issa, permezz ta’ bdil fl-istruttura tal-Korp, ix-xogħol tagħhom se jkun wieħed aktar defenit. Il-Kummissarju awgura lil dawk li ġew promossi f’din il-kariga u fakkar li b’dawn il-promozzjonijiet il-Korp qiegħed f’pożizzjoni b’saħħitha aktar fil-ġlieda kontra l-kriminalità u fl-organizzazzjoni ġenerali tiegħu.
Ritratt: MHAS