It-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex, issa li jinsabu kompletament taħt il-Gvern, se tibqa’ tagħti servizz ta’ livell għoli mingħajr interruzzjonijiet.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta kien qed jitkellem fil-Parlament. Huwa saħaq li s-servizz se jibqa’ jkun tal-ogħla livell, waqt li l-impjieg tal-ħaddiema u tal-professjonisti se jibqa’ garantit.
Chris Fearne qal dan ftit wara li l-Gvern ħabbar permezz ta’ stqarrija li beda l-proċess biex jieħu f’idejh kompletament it-tmexxija ta’ tliet sptarijiet.
“Ħa nagħmilha ċara li l-operat ta’ dawn l-isptarijiet se jibqa’ f’idejn il-Gvern, Mr Speaker. U dan ngħidu, u din il-mossa li aħna għamilna llum biex nieħdu b’mod immedjat l-operat tal-isptarijiet f’idejna, dak nagħmluh u għamilnih mingħajr preġudizzju tal-kawża illi hemm fil-Qrati, għas-sentenza jew għall-appell illi għad irid jinstema’.”
Hawnhekk, Chris Fearne qal li s-servizzi mill-kuntratturi u s-sub-contractors se jibqgħu għaddejjin u l-Gvern se jkun qed jonora s-servizzi tagħhom.
F’dan id-diskors parlamentari, il-Ministru għas-Saħħa ħabbar li issa li t-tmexxija tal-isptarijiet tinsab f’idejn il-Gvern, ħabbar li se jibda servizz ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
“Wieħed mill-ewwel proġetti illi se nkunu qed invaraw ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa li, b’mod immedjat, se nibdew il-proċess biex ikollna MRI ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, MRI għall-pazjenti Għawdxin ġewwa Għawdex stess illi, b’mod immedjat, se nibdew il-proċess li jkollna dan l-MRI ġdid.”
Huwa qal li se jkun hemm laqgħat mal-impjegati u l-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet sabiex il-Gvern iressaq il-pjanijiet tiegħu dwar l-immodernizzar tal-Isptar Karin Grech u anki fl-isptarijiet l-oħra.