18.05 – L-Air Malta u l-unjin tal-cabin crew ħabbru li l-azzjoni industrijali twaqqfet. L-operat tal-linja tal-ajru marru lura għan-normal b’effett immedjat. It-tmexxija tal-Air Malta spjegat li hija tinsab sodisfatti bil-ftehim milħuq u bil-kollaborazzjoni li sabet mill-Unjin, hekk kif matul l-azzjoni industrijali t-titjira KM102 telqet xorta waħda fil-ħin minħabba każ b’emerġenza mediku.
AKTAR QABEL: Il-cabin crew tal-Air Malta għaddej b’azzjoni industrijali li se tkun qed twassal biex titjiriet tal-linja tal-ajru li se jitilqu minn Malta jittardjaw b’madwar siegħa.
Ic-chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Airmalta ma kellhom ebda notifika ta’ din l-azzjoni industrijali li qed tittieħed bħalissa. Huma spjegaw ma’ one.com.mt, li ġew infurmati dwar din l-azzjoni industrijali, minn rapporti fil-midja u għalhekk m’għandhomx informazzjoni ta’ kemm il-membru tal-istaff tal-cabin crew se jkun qed isegwi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Unjin tal-istess cabin crew.
L-aġent Kap Eżekuttiv Joseph Galea spjega li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Unjin tal-cabin crew u t-tmexxija tal-Air Malta dwar tilwim fi ftehim kollettiv tal-impjegati. Liema diskussjonijiet kienu diġa għaddejjin propju mit-22 ta’ Frar, b’din tal-lum tkun ir-raba’ laqgħa ta’ diskussjoni.
“Aħna dejjem lesti li niddiskutu mal-Unjin, ma nafux kemm din l-azzjoni industrijali se tkun qed idum u kemm hemm membri tal-istaff li se jkunu qed isegwu din l-azzjoni industrijali. Qed nistennew minn ħin għall-ieħor biex naraw kif il-laqgħat ta’ diskussjoni se jiżviluppaw. Minn informazzjoni li għandna, din l-azzjoni industrijali se tibqa’ għaddejja sakemm jintlaħaq ftehim.” – Aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Joseph Galea.
Min-naħa tagħha, c-chairman tal-Air Malta, Maria Micallef qalet li din kienet azzjoni rresponsabbli u li se tkun qed tikkawża impatt finanzjarju negattiv fuq il-linja tal-ajru u inkonvenjenza għall-pubbliku. “Hija inaċċettabbli li din l-azzjoni se tkun qed taffettwa lill-klijent.” spjegat Micallef.