Il-politika tal-Partit Laburista flimkien mat-tmexxija tal-ekonomija f’pajjiżna fl-aħħar xhur huma ż-żewġ fatturi ewlenin li għalihom il-maġġoranza tal-poplu jagħżel li jivvota lill-Partit Laburista.
Dan ħareġ minn stħarriġ fil-gazzetta The Sunday Times.
Fil-fatt, f’dan l-istħarriġ il-Partit Laburista kiseb appoġġ ta’ 56.5% meta mqabbel ma’ 42.1% biss għall-Partit Nazzjonalista.
Dan jimmarka żieda fl-appoġġ ta’ 2.7% fuq l-aħħar stħarriġ għall-Partit Laburista u tnaqqis ta’ 2.8% fil-fiduċja għall-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk li jagħżlu jivvutaw lill-Partit Laburista, kważi nofshom, jiġifieri 46.9% jivvutaw hekk minħabba l-politika tal-Partit Laburista.
Dan filwaqt li 18.8% jagħżlu lill-Partit Laburista għall-mod ta’ kif ħa ħsieb l-ekonomija tal-pajjiż fl-aħħar xhur. Isegwu hemm 17.4% li jivvutaw lill-Partit Laburista għall-mod ta’ kif jieħu ħsieb lill-pensjonanti u 16.4% għat-tmexxija mill-att ta’ saħħa fi żmien il-pandemija.
L-istess stħarriġ juri li aktar minn tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu għall-isħarriġ, jiġifieri 83.8%, qalu li mhux se jibdlu l-vot tagħhom minn dak tal-2017.
Intant l-editorjal tal-istess gazzetta fl-istess jum innota dawn ir-riżultati pożittivi għall-Partit Laburista u r-raġunijiet ewlenin warajhom. Fost affarijiet oħra, l-editorjal jinnota kif minkejja l-pandemija l-ekonomija ta’ pajjiżna għadha trendi filwaqt li għandna rata ta’ qgħad baxxa fl-istess waqt li qed jinħolqu impjiegi ġodda.
Għall-editur tas-Sunday Times, il-programm ta’ vaċċinazzjoni tul il-pandemija ukoll kien kruċjali biex il-każijiet jinżammu taħt kontroll.
L-istess editorjal jinnota wkoll kif it-tmexxija ta’ Bernard Grech mhux jirnexxielha toħroġ lill-Partit Nazzjonalista mill-għaqnbud tal-passat.
Fil-fatt l-editur jinnota l-messaġġi kuntrastanti tal-Partit Nazzjonalista fuq kwistjonijiet bħal dik tal-Kannabis li naqqsu mhux ftit il-kredibbiltà tal-Kap Nazzjonalista.