Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, bagħat għal deputati tal-Partit Nazzjonalista biex jitlobhom jinfurmaw l-amministrazzjoni jekk kemm-il darba jkunu se jieħdu xi passi sinifikanti jew jitkellmu dwar suġġetti ta’ tema nazzjonali. Għal uħud minn dawn il-laqgħat kien hemm ukoll il-Kap Adrian Delia. Għalkemm dawn il-laqgħat kienu maħsuba bħala laqgħat ta’ twissija reġa’ deher ċar kemm it-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista hija dgħajfa, b’sorsi jgħidu li kien hemm mumenti fejn Delia b’mod partikolari deher qed jittallab għall-koperazzjoni.
Dan il-pass ittieħed wara li fil-Parlament, Jason Azzopardi uża l-privileġġ parlamentari biex jagħmel allegazzjonijiet serji li mbagħad ma riedx jissostanzja wara. Dawn kienu allegazzjonijiet marbuta mal-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Partit Nazzjonalista spiċċa mbarazzat bihom għax istituzzjonijiet rispettati u investigaturi magħrufa għall-ħila tagħhom għamlu dikjarazzjonijiet li xejnu dak kollu li qal Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi ftaħar ma’ The Malta Independent li hu ma kienx informa l-Kap b’dak li kien se jgħid fil-Parlament u mistoqsi mill-ġurnalisti Delia kellu jammetti dan ukoll. Iżda, l-iktar ħaġa li dejqet lil Delia u lil ta’ madwaru kienet dik li hu kellu jwieġeb għal dak li qal Azzopardi meta hu ma kienx infurmat u lanqas jaf b’xejn. Fil-fatt prova jitfa’ fuq Azzopardi nnifsu d-dikjarazzjonijiet li għamel id-deputat tiegħu.
Iktar minn hekk id-dikjarazzjoni kompliet turi kemm fil-Partit Nazzjonalista kulħadd għal rasu.
Fil-programm Realtà d-Deputat Nazzjonalista David Stellini qal li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li qal u jġib il-provi tal-allegazzjonijiet li għamel bl-immunità parlamentari.
Stellini qal li dan għandu jsir għal fatt li dan jista’ joħloq ħafna ħsara lill-persuni involuti.