“It-Tlieta se nerġa’ mmur quddiem il-Parlament biex nispjega l-fatti.” Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela f’kumment lill-ġurnalisti t-Tnejn filgħaxija, b’rabta mal-każ ta’ serq ta’ droga minn kontejner fil-barracks f’Ħal Safi tal-Forzi Armati ta’ Malta.
“Dak li rajna fil-Parlament hu surreali, għax ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq is-social media għamel appell biex jien immur quddiem il-Parlament, nagħmel l-istqarrija u nwieġeb għad-domandi. U jiena lqajt dik l-istedina. Filwaqt li jiena lqajt dik l-istedina, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma ħallinix nagħmlu dak li talabna biex nagħmlu u, għalhekk ukoll, li għada se nerġa’ mmur quddiem il-Parlament biex din l-istqarrija Ministerjali issir biex il-poplu tagħna għandu dritt sagrosant li jkun jaf il-fatti.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li hemm tliet investigazzjonijiet differenti: dik mill-Pulizija, dik Maġisterjali u l-oħra amministrattiva.
Dwar din tal-aħħar, Dr Abela qal li din se titmexxa mill-Imħallef irtirat Godfrey Valenzia.
Il-Prim Ministru qal li, fil-jiem li ġejjin, se jħabbru t-termini ta’ din l-inkjesta u fost it-termini hemm minn ħa d-deċiżjoni li dak l-esebit tal-Qorti jitpoġġa f’dak il-post u min kellu l-kustodja ta’ dan l-esebit.
Il-Prim Ministru appella biex din l-inkjesta amministrattiva tingħalaq kemm jista’ jkun malajr.
Dr Abela tenna li dawk responsabbli u wettqu dan ir-reat għandhom jinqabdu u jħallsu ta’ għemilhom.
Il-Prim Ministru kkummenta wkoll dwar l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament, waqt is-seduta tat-Tnejn waranofsinhar.
“Minn episodju sensittiv fejn għandha tirrenja l-maturità u l-interess nazzjonali, ipprovat toħloq episodju politiku minnu biex tasal għal dak li trid hi. Evidenti ħafna talbet u riedet ir-riżenja tal-Ministru Bryon Camilleri. Jien nerġa’ ntenni l-fiduċja sħiħa tiegħi fil-ħidma ta’ Byron Camilleri.”
Il-Prim Ministru Robert Abela