Theodor Dumitrescu ta’ 54, Vasilica-Ionel Harabagiu ta’ 39 sena u Marian Tenescu ta’ 40 sena nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija b’sensiela ta’ serq magħruf bħala pick-pocketing.
Id-Difiża m’għamiltx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti nnutat dan u għalhekk it-tlett irġiel baqgħu jinżammu arrestati filwaqt li ġew friżati l-assi tagħhom.
Kienet operazzjoni delikata u studjata ferm tal-pulizija Maltija li wasslet għall-arrest ta’ tliet Rumeni li ngħad li jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li r-Rumeni ilhom iwettqu reati ta’ dan it-tip sa mill-2010 u jmorru f’pajjiżi Ewropej imfittxija mit-turisti.
Fil-fatt mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-iktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda biex jisirqu l-vittmi tagħhom.
Jirriżulta li huma wettqu serq f’Malta matul dan is-sajf imbagħad telqu lejn pajjiż ieħor iżda l-pulizija Maltija kellha informazzjoni li dawn ir-Rumeni kienu reġgħu ġejjin f’pajjiżna.
Permezz ta’ ħidma konġunta ma’ korpi tal-pulizija oħra fl-Ewropa ġew segwiti r-Rumeni illi t-Tnejn illi għadda waranofsinhar qabdu ajruplan minn Budapest lejn Malta.
Il-pulizija Maltija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja, segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/09/22/tliet-rumeni-arrestati-fmalta-wara-11-il-sena-jwettqu-l-pickpocketing-madwar-l-ewropa/