It-tliet pulizija sospiżi minħabba li jinsabu mixlija li sawtu barranin waqt il-qadi ta’ dmirijiethom f’għalqa f’Ħal Qormi, dalgħodu ngħataw il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet. Il-Qorti qalet ukoll li hemm biżżejjed provi, biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Rica Mifsud Grech, Jurgen Falzon, u Luca Brincat, fil-Qorti ntqal li allegatament għand it-tliet imputati nstabu pepper spray u tasers, li ma kinux proprjetà tal-Korp tal-Pulizija.
Fix-xhieda tiegħu wieħed mill-kuntistabbli li rrapporta lill-imputati dwar l-allegati reati qal li f’Settembru li għadda, meta kien fix-xift ta’ bil-lejl, daħal rapport dwar biċċa xogħol il-Marsa. Qal li kienu hu, kuntistabbli ieħor, u l-akkużati Luca Brincat u Jurgen Falzon.
F’dan ir-rapport, mara bdiet tgħid li raġel beda jsuq warajha, iżda wara li qabduh qalet li ma riditx tagħmel rapport kontrih. Kien għalhekk li, qal, ħaduh l-għassa tal-Ħamrun biex ikellmu s-Surġent.
Huwa xehed li Jurgen Falzon qal lil Luca Brincat biex jeħduh fil-Wied iżda tal-aħħar qallu li kien għadu kmieni għax kienet għadha x-xemx u seta’ jarahom xi ħadd.
Intqal li lill-vittma ħaduh dawra mal-Ħamrun u Tal-Pietà, u waqt il-vjaġġ bil-karozza bdew iġegħluh jagħmel rasu bejn is-seats ta’ quddiem filwaqt li Jurgen Falzon, li beda jsuq il-karozza, allegatament beda jagħtih bil-minkeb f’rasu.
Intqal li Rica Mifsud Grech ma kellhiex x’taqsam f’dan l-inċident.
Kuntistabbli ieħor li rrapporta lill-akkużati wkoll xehed dwar l-istess allegat każ li xehed dwaru l-kuntistabbli ta’ qablu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, tat il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ €50,000 u depożitu ta’ €5,000, li ma jersqux lejn iċ-ċentri tal-immigranti, li ma joħorġux mid-dar matul il-lejl, u li jiffirmaw kuljum f’għassa tal-pulizija.