ONE HD u ONE RADIO xandar diskussjoni bejn it-tliet kandidati għal Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Parlament, diskussjoni li matula ġew diskussi numru ta’ temi relatati ma’ din il-kariga importanti.
Il-Ministri Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna wieġbu għad-domandi tal-ġurnalisti minn oqsma differenti tal-ħajja dwar għadd ta’ temi kurrenti u oħrajn marbuta mal-kariga li se jkunu qed jikkontestaw għaliha.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Fearne tkellem dwar l-2008 meta Joseph Muscat sar Mexxej tal-Partit Laburista; fejn imbarka b’staġun politiku ġdid u b’ġenerazzjoni rebbieħa. Qal li r-rebħ li kiseb il-Partit Laburista, kisbu b’viżjoni ta’ Mexxej li qed imexxi l-moviment b’mod sod u magħqud. Dwar il-kariga li qed jaspira li jkun fiha, qal li jrid ikompli juri kemm il-Partit Laburista huwa viċin in-nies, u tenna li rridu nkomplu nibnu fuq il-viżjoni tal-Perit Duminku Mintoff li kompla fuqha Joseph Muscat.
Il-Ministru Edward Scicluna tenna li l-40,000 maġġoranza li kiseb il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, kisibhom għaliex il-Partit ikkonvinċa lill-poplu Malti u Għawdxi li m’għandux jibdel dawk li ddeskriva “team-players” li qed jiskurjaw, half-time. Huwa qal li d-delegati jridu jagħżlu persuna biex tkompli fejn ħalla l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech. Persuna li fi kliem Scicluna għandu jkollu kwalitajiet ta’ kompetenza, t’esperjenza u ta’ leatlà. Dan biex ikun kompetenti f’kull settur li jaffaċċja; speċjalment fil-fora internazzjonali.
Din ix-xandira se tkun segwita bi produzzjoni dwar il-profil tad-Deputati Mexxejja nhar l-Erbgħa li ġej fuq ONE HD.