“L-akbar sfida li għandu l-pajjiż illum hi li naraw li t-tkabbir tal-ġid tagħna jkun bilanċjat u jidħol anke fil-qafas soċjali u uman u li niżviluppaw il-ħiliet ta’ kulħadd biex l-impjieg ifisser ukoll titjib fil-ħajja ta’ kuljum.”
Meta ppreżenta l-estimi finanzjarji tal-JobsPlus għall-2017, il-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo qal li huwa għandu jkun l-aktar ministru tax-xogħol fl-ewropa kuntent għax iż-żgħażagħ għandhom 97 fil-mija ċans li jsibu xogħol f’pajjiżhom. Huwa fakkar li skont il-Eurostat, Malta hija fit-tielet post ta’ l-inqas qagħad, li huwa 4.1 fil-mija, li l-ġid kiber b’6 fil-mija u li nħolqu tmint elef impjieg. Madankollu ma rie4dx jiftaħar b’dan kollu iżda jiffoka fuq il-ġejjieni.
Jobs Plus tat taħriġ fis-snajja lil 4,000 persuna u li 450 minnhom qagħdu għat-trade test. JobsPlus għamlet unit apposta biex tara x’inhuma l-bżonnijiet ta’ min iħaddem u bħalissa qed titkellem ma’ 800 sid biex jinħoloq apprendistat jew traineeship.
Il-Ministru Bartolo beda d-diskors tiegħu billi feraħ lil ħames żgħaħagħ minn St Martin’s Higher Educatuion li ġew l-ewwel f’kompetizzjoni tal-Young Enterprise Europe fejn ġew preżentati 18-il proġett minn 15-il pajjiż. Huwa feraħ ukoll lill-istudenti sekondarji, li ttimbrawhom bħala ‘mhux tajbin’, li qed jagħmlu suċċess fil-Princess Trust International.
Huwa qal li l-gvern jinteressah li l-ħajja tkompli titjieb biex bid-dħul tagħhom, il-ħaddiema jkollhom djar diċenti u l-gvern ikollu flus għas-servizzi tas-saħħa, għas-servizzi soċjali u għat-tkabbir tal-ġid.
Il-Ministru ħabbar li fl-iskejjel, fl-MCAST u fl-Università se jingħataw accreditation għal work-based learning. Qal li mhux biżżedjjed li bdiet taħdem għall-ewwel darba l-liġi li timponi li kull min iħaddem ikollu tnejn fil-mija tal-ħaddiema persuni b’diżabilità meta hemm min għandu problemi biex jasal għax-xogħol. Għal dan il-għan qed isiru taħdidiet bejn il-ministeri biex tinstab soluzzjoni.
Il-gvern iġġieled il-prekarjat għax jemmen fid-dritt li kull ħaddiem ikollu kundizzjonijiet diċenti. Matul l-2016, l-ispetturi tax-xogħol sabu 3,500 persuna jaħdmu bla ktieb u li 1,500 li kienu qed jabbużzaw mis-sistema tar-registrazzjoni.
Semma kif qed tingħata attenzjoni lil żgħażagħ li kellhom il-problema tad-droga u rranġa l-fatt li persuna li tkun marret il-ħabs jeħdulha l-liċenzja tas-sengħa u ma jħalluhiex taħdem – riċetta perfertta biexd dil-persuna terġa’ taqa’ fil-kriminalità.