Fl-2015, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għamel profit nett ta’ €19.3 miljun, li żdied mis-€16.8 miljun irreġistrati għas-sena ta’ qabel. Dan it-tkabbir jinkoraġġixxi lill-Grupp sabiex jibda jimplimenta l-pjan ta’ investiment ambizzjuż tiegħu.
Ir-riżultati ddettaljati tal-Grupp, ippreżentati waqt l-24 Laqgħa Annwali Ġenerali tiegħu, juru li dan it-tkabbir irriżulta minn prestazzjoni pożittiva tas-segmenti tal-avjazzjoni u tal-proprjetà u l-bejgħ tal-kumpanija.
Fattur ieħor li kkontribwixxa għal din iż-żieda kien il-bejgħ tas-sehem tal-kumpanija f’Valletta Cruise Port plc, li kien responsabbli għal €1.2 miljun mill-profitti finali tal-kumpanija.
Dan it-tkabbir wassal ukoll biex il-kontribuzzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lill-Gvern, f’taxxi annwali fuq id-dħul flimkien ma’ dividends mis-sehem ta’ 20% li għandu l-Gvern fil-kumpanija, telgħet għal €12.5 miljun minn €12.2 miljun fl- 2014.
Waqt li kien qed jidirizza lill-azzjonisti preżenti għal-laqgħa, iċ-Chairman tal-MIA Nikolaus Gretzmacher ta ħarsa lejn dak li għamel is-sena li għaddiet waħda rekord; notevolment it-tkabbir ta’ 7.7% fit-traffiku u l-ġenerazzjoni ta’ 30% tad-dħul talGrupp mill-proprjetà u l-bejgħ, skont il-miri tal-ajruport li jkollu dħul iddiversifikat.
Is-CEO tal-MIA Alan Borg innota li t-tkabbir irreġistrat flindikaturi finanzjarji prinċipali tal-Kumpanija, jikkonferma li din tista’ tibda bl-ewwel fażi tal-pjanijiet ambizzjużi tagħha ta’ espansjoni tat-Terminal, kif previst.