It-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li qed jesperjenza pajjiżna qed iwassal biex pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Dan intqal mill-ekonomista Jessica Camilleri, f’intervista ma’ ONE News b’reazzjoni għall-aħbar li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa, li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif ċifri tal-Eurostat juri li pajjiżna għandu rata ta’ qgħad ta’ 2.6%, ferm inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Qalet, “Ifisser li d-domanda għax-xogħol qed jiġi mqabbel ma’ min qed jissuplixxi x-xogħol, li tiġi involuta bażikament, min diġà qiegħed impjegat, kif ukoll dawk li b’mod attiv qed ifittxu x-xogħol u ovvjament jiġi sforz ta’ tkabbir ekonomiku mgħaġġel ħafna, li aħna kellna f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll is-setturi li qegħdin inkabbru u s-setturi ġodda li qegħdin inħarsu lejnhom għal futur ukoll.”
Camilleri saħqet li f’ekonomija wieħed dejjem isib in-nies fuq il-qgħad, iżda qed ikun l-inqas possibli, hekk kif f’pajjiżna hawn aktar impjiegi.
L-ekonomista sostniet li dawn iċ-ċifri pożittivi għal pajjiżna ġew irreġistrati waqt li għaddejjin minn perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Stqarret, “U allura l-miżuri li qegħdin nimplimentaw iridu jkunu meqjusa b’atteġġjament verament kawt, għas-sempliċi raġuni, li meta stat ta’ inflazzjoni, near full employment, kif qegħdin nispjegaw fil-livell ta’ qgħad baxx u kif ukoll tkabbir ekonomiku mgħaġġel, importanti li l-miżuri li nimplimentaw ikunu proporzjonati, biex ma jkollniex riperkussjonijiet ulterjuri minn dawk li kellna fl-aħħar żmien.”