It-tkabbir ekonomiku li kellu pajjiżna huwa sostenibbli. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. L-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali Dr Aaron Grech spjega kif minn dan ir-rapport ħareġ biċ-ċar li l-ekonomija Maltija kibret b’rata aktar mgħaġġla milli kien imbassar.
“Għal darb’oħra l-ekonomija Maltja kompliet tikber b’mod sostanzjali forsi ferm aktar minn kemm kien qed ibassar il-bank ċentrali”
Dan ir-rapport innota wkoll kif dan it-tkabbir kien xprunat mill-konsum privat u d-domanda domestika. Ir-ritmu ta’ tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross kien it-tripplu ta’ dak rreġistrat fiż-żona Ewro.
“Ir-rata ta’ tifdil tal-familji hija għolja ħafna, ir-rata ta’ żieda fid-dejn tal-kumpanija mhux għolja, jiġifieri l-kumpaniji mhux qed jiddejnu ħafna biex ikabbru l-operat tagħhom, il-bilanċ tal-pagamenti huwa f’surplus jiġifieri aħna qed nesportaw aktar milli nimpurtaw u anki minn naħa tal-gvern hemm surplus jiġifieri l-gvern qed idaħħal aktar milli joħroġ. jigifieri dawn huma kollha fatturi biex it-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli”
Il-Bank Ċentrali qal li dan it-tkabbir kien rifless ukoll fis-suq tax-xogħol. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qal li grazzi għal dan ir-rata ta’ nies bla xogħol hija fost l-inqas mill-pajjiżi kollha taż-żona Ewro.
Ir-rapport annwali nnota wkoll is-surplus li kiseb il-Gvern tul is-sena li għaddiet. Qal li l-iżviluppi fil-finanzi pubbliċi Maltin komplew jitqabblu b’mod favorevoli meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra taż-żona Ewro. Hawnhekk ġie nnutat li l-bilanċ fiskali taż-żona ewro baqa’ f’deficit.
“Il-fatt li l-gvern qed jagħmel surplus jgħin biex iżomm l-ekonomija tagħna tikber on the long term barra minn hekk il-fatt li qed isir surplus iwassal biex jitnaqqas id-dejn pubbliku u l-pajjiż ikollu r-riżorsi biex jinvesti u jibni l-infrastruttura fil-futur.”
Dr Grech spjega wkoll li għal din is-sena l-Bank qed ibassar aktar riżultati pożittivi.
“Qed nistennew li d-domanda domestika tkun ħafna aktar b’saħħitha u jkompli jkun hemm żieda fl-impjeigi kif ukoll żieda fl-investiment. qed nantiċipaw żieda speċjalment fl-investiment pubbliku u fis-snin ta wara se naraw żieda fl-investiment privat”
Dwar BREXIT, l-ekonomista tal-Bank Ċentrali spjega kif Malta m’għadhiex dipendenti fuq ir-Renju Unit hekk kif diversi oqsma komplew jimirħu lejn pajjiżi oħra. Għalhekk spjega li f’każ ta’ BREXIT mingħajr ftehim, l-ekonomijja ta’ pajjiżna mistennija tieħu daqqa żgħira meta mqabbel ma’ ekonomija ta’ pajjiżi oħra.