Il-progress ma jistax isir bi skapitu tal-ħajja tal-bniedem. Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza attività tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li dak li seħħ ftit tal-jiem ilu fil-Ħamrun ma jistax jibqa’ għaddej bħala sempliċiment traġedja.
Dr Abela sostna li jidher li minkejja li ddaħħlu liġijiet aktar rigorużi u ttieħdu passi jidher dan ma kienx biżżejjed.
Il-Prim Ministru stqarr: “Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna azzjoni, anke jekk diġà daħħalna liġijiet aktar rigorżi, anke jekk ħadna passi. Huwa ċar li dak li sar mhux biżżejjed. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni u din l-azzjoni trid tittieħed issa.”
Il-Prim Ministru rrimarka li nagħmlu żball kbir jekk noħonqu l-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol, iżda l-progress ma jistax isir billi persuni jitilfu ħajjithom.
Qal li t-tkabbir ekonomiku, it-tkattir tal-ġid, iż-żieda fl-impjiegi, ma jiswew xejn jekk mhux jitgawdew min-nies.
Dr Abela spjega li f’seba’ snin, l-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna għamel l-istess progress li qabel kien sar f’45 sena.
Qal li dan żdied b’aktar minn €7 biljun u seħħ bis-saħħa ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-istess waqt li kulħadd ġibed ħabel wieħed.
Qal li issa wasalna għal stadju ġdid fl-iżvilupp ta’ pajjiżna u irridu nimxu minn mentalità pro buisness għal mentalità pro market.
Dwar il-pagi l-Prim Ministru spjega li l-kompetittività mhix li żżomm il-prezzijiet baxxi anzi jemmen li fl-istadju li jmiss tal-iżvilupp jekk ikollna pagi baxxi ser infallu bħala nazzjon.
Il-Prim Ministru qal li biex tirbaħ l-isfida tal-ħiliet trid tkun lest li tħallas aktar.
Il-Ministru responsabbli mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESC Carmelo Abela spjega li l-Gvern, irid ikompli b’ħidmietu biex jiġu indirizzati diversi sfidi fosthom, it-tluq bikri mill-iskola bil-għan li jiġi assigurat li ż-żgħażagħ ikunu mħejjija għax-xogħlijiet ta’ għada.
Il-Ministru għall-finanzi Edward Scicluna qal li l-produttività hija importanti ħafna għall-Gvern għax qal li jekk l-oqsma ekonomiċi u dipartimenti ma jkunux produttivi biżżejjed, tiżdied l-ispiża u tonqos l-effiċjenza.