Fl-aħħar evalwazzjoni tiegħu tar-Rapport Annwali tal-Minsiteru għall-Finanzi, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti qal li t-tkabbir ekonomiku matul is-sena li għaddiet kien aktar qawwi milli mistenni.
Fl-evalwazzjoni tagħhom, l-ekonomisti tal-Kunsill Fiskali nnotaw li t-tkabbir nominali tal-Prodott Domestiku Gross għall-2017 kien ogħla milli kien mistenni fil-previżjonijiet li kienu saru f’Ottubru ta’ sentejn ilu u f’April tas-sena li għaddiet.
Madankollu, meta meqjusa fuq perjodu ta’ tliet snin, bejn l-2015 u l-2017, ma nstabet l-ebda diskrepanza kbira ’l fuq jew ’l isfel fit-tbassir dwar l-infiq.
Il-kunsill qal li peress li t-tkabbir kien aktar qawwi milli mistenni, fl-2017, is-surplus finanzjarju ta’ pajjiżna kien aktar pożittiv minn dak immirat. Dan għal bosta raġunijiet fosthom qligħ aktar għal kumpaniji u suq tax-xogħol li kompla jikber b’rata ferm aktar għolja minn dik imbassra.
Il-Kunzill żied jgħid li d-dħul aktar b’saħħtu għamel tajjeb għal xi infiq ogħla.
Innota li mkejla skont il-linji gwida tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, id-diskrepanza ewlenija fid-dħul tal-Gvern kienet ġejja mill-qligħ iġġenerat mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, li kien ħafna ogħla milli mistenni.
Fil-każ tan-nefqa, il-fatt li l-infiq kien ogħla milli mistenni juri li l-miri għas-sena kienu pjuttost diffiċli biex jinżammu.
Il-kunsill ħeġġeġ lill-Gvern biex il-fondi li jalloka għal ċertu proġetti u inizjattivi jkunu biżżejjed.