Il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif l-aħħar numri ppubblikati dwar l-ekonomija mhumiex figuri waħedhom imma riflessjoni ta’ realta’ ċara li nħossu b’idejna ta’ kuljum. Huwa qal dan waqt intervista li xxandret fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu.
“L-isbaħ ħaġa hija li t-tkabbir mhux ġej minn qasam wieħed, mhux ġej minn ħaġa waħda, mhux ġej minn deċiżjoni waħda jew punt wieħed. It-tkabbir fl-ekonomija ta’ dan il-pajjiż ġej b’mod mifrux, strutturat illi dik minnha nnifisha tagħmilna dik li bl-ingliż ngħidulha resilient, jiġifieri tagħmilna aktar sodi”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Muscat spjega kif l-aktar ħaġa importanti hija li l-Gvern ma jiddependix minn setturi bħas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu, għaliex il-ġid irid jitqassam bejn is-setturi kollha tagħna biex l-ekonomija tibqa’ miexja ‘l quddiem:
“Qegħdin f’livell li huwa għoli ħafna u bqajna nżommuh dan il-livell – l-ogħla rata fiż-żona ewro, fost l-ogħla rati li qatt irreġistrajna bħala pajjiż, l-ogħla rata bħala investiment…. u r-rati ta’ investiment meta mqabbel ma’ snin ilu hija superlattiva. Rata ta’ investiment li turi ħafna fejn sejra l-ekonomija u għalija dak l-investiment mhux biss l-investiment pubbliku”.
Huwa saħaq li ħafna minn dan l-investiment ġej mis-settur privat li jinvesti biss jekk ikun qed ikollu fiduċja. Minkejja dan is-suċċess ekonomiku, Joseph Muscat enfasizza l-bżonn assolut li l-Gvern jimxi b’għaqal biex lin-nies jagħtihom l-aspirazzjonijiet tagħhom tal-kwalità tal-ħajja.
Dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea fejn din tat parir dwar x’għandu jagħmel il-pajjiż, il-Prim Ministru nnota li tul is-snin Malta kien ikollha numru kbir ta’ rakkomandazzjonijiet, iżda llum il-ġurnata, il-Kummissjoni Ewropea kellha biss tliet rakkomandazzjonijiet għal Malta, li jfisser li l-Gvern aġixxa skont ir-rieda tal-Kummissjoni:
“Bl-istess mod, issa hemm l-istess rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema tat-taxxa. M’għamluhomx lilna biss, għax aħna xi kultant isir l-iżball li meta naraw rapporti bħal dawn, naraw l-index, naraw x’hemm miktub Malta u naqraw biss il-biċċa ta’ Malta. L-ewwel ma nara l-biċċa ta’ Malta imma mbagħad naqra l-kumplament tar-rapport għax trid tieħu l-kuntest kollu”.
B’reazzjoni għal miżura li se tħalli koppji miżżewġa li jaħdmu t-tnejn jirċievu rifużjoni tat-taxxa separata, il-Prim Ministru qal li s-sistema kif kienet s’issa kienet ‘pastażata’, u bidla fil-mod ta’ kif naħsbu kiener importanti, tant li l-Gvern qed jagħmel l-istess fl-istrutturi tiegħu.
Huwa temm jirreferi wkoll għat-tmiem tal-konsultazzjoni dwar rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament, fejn qal li issa jmiss li fix-xhur li ġejjin ikun hemm bidla fis-sistema ta’ rappreżentazzjoni biex ikun hemm ċans għal aktar nisa fl-ogħla karigi tal-pajjiż.
Tkellem ukoll dwar ix-xogħol siewi li sar fl-aħħar sentejn mindu l-poplu reġa’ għadda l-fiduċja lill-Moviment Laburista:
“Is-sens li nixtieq jirrenja huwa li aħna huwa akbar mill-jiena. Dak li nagħmlu flimkien huwa ferm aktar importanti minn dak li nistgħu kull wieħed u waħda minnha jagħmel għall-glorja personali tiegħu u tagħha”.