L-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tissaħħaħ b’rata mgħaġġla fl-ewwel kwart tal-2018, bi tkabbir ta’ 4.4%, jiġifieri d-doppju tar-rata osservata matul l-istess perjodu madwar l-Unjoni Ewropea.
Fl-istess kwart tal-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, ir-rata ta’ tkabbir kienet 0.9% biss, li hi ħames darbiet inqas mir-rata osservata din is-sena.
Kien hemm żewġ fatturi ewlenin wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna. L-ewwel, iż-żieda qawwija fil-konsum privat li kien xprunat minn tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema. Fil-fatt, fl-ewwel kwart tal-2018, il-pagi f’pajjiżna kienu €78 miljun ogħla milli kienu sena qabel, jiġifieri żieda ta’ 7%. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali turi li s’issa, fl-2018, il-konsum privat żdied bi 3%.
It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi kien l-andament pożittiv tal-azjendi. Ċifri uffiċjali juru li l-profitti tan-negozji għolew b’€70 miljun meta mqabbla mal-istess kwart tal-2017. Dan it-titjib qawwi fil-profitti wassal biex in-negozji privati, flimkien mas-settur pubbliku, jinvestu €416 miljun, kontra l-€292 miljun f’investiment li sar f’pajjiżna fl-ewwel kwart tal-2012.
Żvilupp ieħor li joħroġ mill-istatistika hu li fl-2018, id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-ispiża tal-gvern kompliet tonqos. Fil-fatt, il-konsum tal-gvern kien 17% tal-ġid nazzjonali, kontra l-20% fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern. Dan jispjega għalfejn pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi, kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.
L-istatistika uffiċjali turi wkoll li s-settur finanzjarju, li skont l-Oppożizzjoni għaddej minn żmien ta’ inċertezza, fil-fatt kabbar l-operat tiegħu b’€5 miljun, filwaqt li l-gaming, settur ieħor li l-Oppożizzjoni qed tbeżża’ fuqu, kiber bi €30 miljun.
Is-setturi kollha tal-ekonomija raw tkabbir, fosthom il-valur miżjud fil-manifattura fl-ewwel kwart tal-2018 li kiber b’€5 miljun filwaqt li fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern dan is-settur kien naqas bi €13 miljun.
Il-kostruzzjoni, li fl-2012 kienet naqqset il-valur miżjud, fl-2018 rat titjib ta’ €3 miljun. L-oqsma tar-retailu tal-lukandi u tar-ristoranti raw żieda ta’ €28 miljun filwaqt li l-oqsma tas-servizzi professjonali u amministrattivi raw żieda ta’ €21 miljun.
Frott dan it-tkabbir ekonomiku l-gvern hu f’pożizzjoni li jkompli jwettaq il-programm ambizzjuż tiegħu biex ilesti lil Malta għall-futur. Fix-xhur u fis-snin li ġejjin diversi inizjattivi – l-akbar fosthom il-proġetti infrastrutturali bla preċedent, il-qtugħ fit-taxxi għal kull min jaħdem u ż-żieda fil-pensjonijiet – mistennija jwasslu għal iktar ġid fost il-familji u n-negozji tagħna.