It-tnaqqis tat-taxxi mħabbar fil-Baġit 2025, imsejjaħ ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, seħħ minħabba l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, li qed jesperjenza pajjiżna. Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana nnifsu waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Hawnhekk hu spjega kif issa nħolqot l-akbar threshold bla taxxi fi tletin sena u bil-miżura tat-twessigħ tal-faxex se jgawdu l-ħaddiema kollha. Fil-fatt il-miżura mill-aktar soċjali se tħalli f’idejn il-ħaddiema €140 miljun.
Il-Ministru Caruana sostna li din il-miżura ma setgħetx issir li kieku l-Gvern m’għandux il-kompetenza u l-għaqal fit-tmexxija tal-pajjiż.
Saħaq li d-defiċit tal-pajjiż se jkompli jonqos, hekk kif, din is-sena, se jkun ta’ 4%, meta qabel kien imbassar li se jkun ta’ 4.5%. Is-sena d-dieħla, dan se jkompli jonqos għal 3.5%.
“Iva, proprju, għax il-finanzi tal-pajjiż qegħdin f’sitwazzjoni fejn id-defiċit nieżel minn sena għall-oħra, issa ġiet l-opportunità fejn, iva, inwieżnu l-middle class u qed inniżżluha mhux bi ftit. It-tax cut, is-sena d-dieħla, se tkun qed tiswa mal-€140 miljun. Qed naraw li l-familji bi dħul medju, bejn wieħed u ieħor, ikollhom ras għal ras min jaħdem bejn €600 u aktar fit-tnaqqis tat-taxxa. Naħseb dan hu sinjal ċar ta’ kif dan il-Gvern jagħti wkoll u jwieżen il-middle class ta’ pajjiżna.”
Fl-isfond tal-grafika, li turi t-twessigħ tal-faxex kollha tat-taxxa għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin u dak li se jiffrankaw bil-miżura tal-Baġit, il-Ministru Caruana spjega li din hi l-akbar qabża li qed isseħħ fit-tnaqqis tat-taxxi, kontra x-xejra tas-snin kollha imgħoddija fejn dan seħħ b’rati ferm iżjed kajmana.