Studju tal-Bank Ċentrali jindika li t-titjib fil-paga minima se jibbenefika lil ħafna ħaddiema u mhux biss dawk li bħalissa jaqilgħu din il-paga.
L-istudju jiffoka fuq iż-żieda li se tingħata f’Jannar u tinnota li din se twassal għal paga minima ta’ €213.54 fil-ġimgħa. Dan ifisser żieda ta’ kważi 11% f’sena waħda, jew l-akbar żieda fl-istorja.
Ir-riċerka li saret mill-Bank Ċentrali tindika li huma biss tlieta minn kull mitt ħaddiem li jaqilgħu l-paga minima.
B’kuntrast madwar erbgħa minn kull għaxar ħaddiema jaqilgħu bejn €6.50 u €10.50 fis-siegħa, jew bejn darba u nofs u darbtejn u nofs il-paga minima.
Li kieku wieħed jassumi li ż-żieda fil-paga minima affetwat biss lil dawk li jaqilgħu din il-paga l-impatt fuq il-paga medja ikun ferm żgħir, ta’ 0.04%. Imma jekk wieħed jassumi li dawk li jaqilgħu ftit aktar mill-paga minima wkoll jaraw żidiet fil-pagi ħalli tinżamm xi ftit ir-relattivita, l-impatt ikun ferm aktar.
L-istudju, a bażi ta’ literatura nternazzjonli fuq is-suġġett, jassumi li dawk li huma fl-10% bl-anqas pagi, jieħdu żieda ekwivalenti għal dik tal-paga minima. Dawk li huma fl-iskaluna li jmiss jieħdu 80% taż-żieda, u din tkompli tonqos b’mod gradwali għal dawk kollha li jaqilgħu sal-paga medja. F’dan ix-xenarju l-esperti jaħsbu li ż-żieda fil-paga medja tlaħħaq sa’ 0.69% tal-pagi kollha.
Wara li għarblu l-argumenti kollha, anke fid-dawl ta’ studji f’pajjiżi simili, ġie stimat li l-impatt għal Malta se jkun ta’ 0.11%. Fid-dawl li fl-2024 l-Bank Ċentrali qed ibassar titjib fil-paga ta’ 6%, ifisser li t-titjib fil-paga minima se tkun parti żgħira ta’ dan it-tkabbir, imma xorta se jaffetwa lill-maggoranza tal-ħaddiema.
Din turi li d-deċizjoni tal-Gvern biex iżid il-paga minima kienet tajba. Dan joħroġ aktar fil-beraħ in-negattiviżmu tal-Oppozizzjoni, li l-Kap tagħha lanqas mar għall-iffirmar tal-patt soċjali ġdid li wassal għaż-żieda tal-paga minima.