It-tisħiħ tal-kooperazzjoni kummerċjali bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda kien fuq nett tal-aġenda waqt laqgħa li kellu l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri mall-Ministru għall-Ekonomija tal-Emirati Abdalla Bin Touq Al Marri u l-Ministru tal-Istat għall-Kummerċ Thani Al Zeyoudi.
Id-diskussjonijiet trattaw l-opportunitajiet ta’ negozju għaż-żewġ pajjiżi, l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19, u x-xejriet ekonomiċi madwar id-dinja kollha. Il-ministri tal-Emirati Għarab Magħquda qalu li jħarsu ‘l quddiem għal iktar kollaborazzjoni kummerċjali li permezz tagħha jkun attirat iktar investiment fiż-żewġ pajjiżi.
Il-laqgħa bejn il-Ministri se tkun segwita b’laqgħat oħra fuq bażi teknika u politika f’Malta, biex dak li ġie maqbul bejn Malta u l-Emirati jiġi implimentat.
Il-Ministru Schembri kellu din il-laqgħa fl-isfond tal-avveniment AIBC Summit f’Dubaj fejn attendew numru kbir ta’ delegati minn madwar id-dinja kollha sabiex jaqsmu l-ideat tagħhom u juru l-prodotti u s-servizzi relatati mat-teknoloġiji emerġenti. Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru ta ħarsa lejn is-suċċess li Malta kisbet fejn tidħol l-ekonomija u s-settur diġitali.
Suċċess li kien attribwit grazzi għall-bini sostnut ta’ ekonomija b’saħħitha u kif ukoll qafas li jippermetti l-aħjar prassi possibbli fejn jidħol l-użu tat-teknoloġija.
Il-Ministru Schembri stqarr li l-Gvern kien kapaċi jipprovdi għajnuna finanzjarja lil dawk milquta mill-pandemija tal-COVID-19. Fost dawn semma l-garanziji tas-self lin-negozji, il-wage supplement għal kull negozju, u ż-żewġ rawnds ta’ vouchers ta’ €100 lil kull persuna li għandha iktar minn 16-il sena.
Intlaqgħet tajjeb mill-udjenza l-aħbar li Malta ftit jiem ilu laħqet il-imunità tal-Covid-19 li tawgura tajjeb għall-ekonomija Maltija u għan-negozji.
Il-Ministru Silvio Schembri ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun ippubblikata l-viżjoni ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin. Viżjoni li hija mmirata sabiex tassigura li Malta tkun nazzjon ġust u prosperu li jħeġġeġ u jappoġġja l-investiment kontinwu fl-innovazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp tar-riżors uman, il-kreattività u l-ambjent urban.
Qal ukoll li Malta hija miftuħa għall-kummerċ, u ċ-ċokon tagħha joffri l-ambjent ideali fejn prodotti jkunu ttestjati, anke fi stadji bikrin, skont standards rikonoxxuti internazzjonalment.
Il-Ministru kellu wkoll diversi laqgħat ma’ investituri barranin li wrew interess li jinvestu f’pajjiżna u kien akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi Maltija għall-Emirati Għarab Maqgħuda Maria Camilleri Calleja.