Fl-aħħar sentejn saru passi ta’ ġgant fl-ambjent regolatorju għan-negozji żgħar u medji.
Kien dan is-sentiment li ġie espress fil-bidu ta’ ġimgħa ddedikata għan-negozji żgħar u medji, magħrufa aħjar bħala SME Week.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata bejn ir-Reġistru Malti tal-Kumpaniji u l-Kamra tal-Kummerċ ġie sostnut il-bżonn li jinħoloq ambjent regolatorju sostenibbli.
Dan speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi b’saħħithom li seħħew fl-aħħar snin u li wasslu, fost l-oħrajn, biex pajjiżna jitneħħa mil-lista tal-FATF fl-iqsar żmien possibbli.
Dan is-sentiment kien rifless, fost l-oħrajn, f’kumment li tat lil dan l-istazzjon il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb.
“Bla dubju saru passi ta’ ġgant fl-aħħar sentejn f’dak li huwa ambjent regolatorju, imma issa jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn ir-riżultati li jrid ikollna u l-ispiża u r-riżorsi li jkunu ngaġġati f’dak li hu regolamentazzjoni tas-settur.”
Fil-fatt, hija sostniet li l-aspett tas-sostenibbiltà f’dan il-qasam irid ikun ikkunsidrat fuq tliet fatturi importanti – in-nefqa, it-tkabbir ekonomiku, u l-ħarsien tar-reputazzjoni tagħna.
Minn naħa tagħha, Dr Geraldine Spiteri Lucas, li hija l-Kap Eżekuttiv tar-Reġistru Malti tal-Kumpaniji, irrimarkat li bil-qafas regolatorju b’saħħtu li għandu pajjiżna tħares il-quddiem biex jiġu attirati aktar negozji ġodda.
Intant, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma sfiqa li saret fl-aħħar xhur u snin, aċċenna għall-ħidma li għandu quddiemu l-Gvern biex jibqa’ jattira l-investiment u jinċentiva n-negozju.
“Bħala Gvern qed naraw li issa nnaqqsu kemm jista’ jkun il-livell tal-burokrazija fil-pajjiż. Semmejt kif, ma’ diversi istituzzjonijiet u regolaturi oħrajn, twaqqaf kumitat sabiex nimplimentaw 3 miżuri oħra mill-programm elettorali tagħna: dik tad-dritt għal kont bankarju lill-kumpaniji, dik tal-credit review office, kif ukoll ta’ central repositary system għad-due diligence processes – u dawn it-tlieta f’daqqa huma tliet miżuri se jkunu qed inaqqsu l-livell ta’ burokrazija biex wieħed ikun jista’ jagħmel negozju.”