Il-gazzetta the Times of Malta irtirat stqarrija pubblika li ħarget xahar ilu biex tiddefendi b’qawwa lill-ġurnalist Ivan Camilleri.
L-istqarrija ġiet irtirata l-għada li ġie żvelat li kien il-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri li allegatament għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech, li l-pulizija kienet qed issus warajh.
Dan lejlet li Fenech ipprova jaħrab minn pajjiżna fuq il-jott lussuż tiegħu.
Yorgen Fenech huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Maltatoday irrappurtat li isem Ivan deher f’messaġġi fuq il-whatsapp li rat il-pulizija bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech.
Sigħat wara li ġiet żvelata din l-aħbar, il-kumpanija Allied Newspapers ikkonfermat li Camilleri tkeċċa minn senior journalist tat-Times.
Dan għax qalet li waslu għandha bosta fatti fuq sensiela ta’ każijiet li kien involut fihom Camilleri.
It-Times bidlet stqarrija ta’ difiża fil-konfront ta’ Ivan Camilleri anki wara li ġie rappurtat li allegatament Camilleri nqabad jisraq oġġetti ta’ kwalità għolja ħafna minn supermarket fin-Naxxar.
Fil-wieħed u tletin ta’ Ottubru t-Times kienet iddefendiet lil Camilleri u saħansitra attakkat lil Saviour Balzan tal-Maltatoday li kien ħareġ l-istorja.
It-Times kienet qalet li dan il-każ ma kien xejn għajr wieħed innoċenti li ġara bi żvista u sostniet li b’mod malizjuż Saviour Balzan interpreta l-affarijiet b’mod ħażin.
Saħansitra kienet qalet li kienet se tiddefendi lill-ġurnalist tagħha minn attakki personali.
Madankollu wara l-aħbar xokkanti tal-bieraħ li allegatament kien ġurnalist tagħha li għarraf lil Fenech li l-pulizija kienet warajh, it-Times qalet li kompliet tinvestiga l-allegazzjonijiet u skopriet affarijiet kontraditorji dwar il-każ li ġew ikkonfermati min-numru ta’ individwi.
Intant wara li tkeċċa, Ivan Camilleri ħareġ stqarrija u attakka lit-Times u qal li din kienet biss interessata li ssib skuża biex twaqqaflu xogħlu.