Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech spiċċa jaqlaha miż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, b’opinjonisti u anki l-midja tinnota d-dgħjufija ta’ Grech bħala Kap ta’ partit li qed jaspira li jmexxi l-pajjiż.
It-Times innutat l-indeċiżjoni ta’ Bernard Grech f’editorjal fil-ħarġa tal-Ħadd bit-titlu ‘When a party fails to inspire’.
Fil-fatt it-Times tgħid, “Grech continues to wade in a swamp of indecision.”
L-editorjal jgħid li l-istqarrija konġunta ta’ Adrian Delia u Jason Azzopardi, fejn tal-aħħar irtira allegazzjonijiet li kien għamel fuq Delia, kienet evidentament b’nofs verità li trattat l-elettorat bħala iblah.
It-Times qalet li ħadd ma jemmen li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx firda.
Dan qalitu fi sfond li Bernard Grech ħareġ mid-Dar Ċentrali jgħid li l-kwistjoni bejn Delia u Azzopardi hija solvuta.
“If the PN cannot be truthful about something as straightforward as a social media spat, how can it be trusted with far more important matters?”, saħqet it-Times, li rrimarkat għala l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun fdat u jitwemmen.
Innutat kif taħt Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista qed jibża’ jinbidel.
L-editur tas-Sunday Times saħaq li saħansitra, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ma jafx x’jixtieq ikun, b’kumment ċar kif seba’ xhur mindu laħaq Kap, il-partit jinsab bla direzzjoni.
Fil-fatt l-editorjal jgħid, “Yet, seven months into Grech’s leadership, the PN appears to be meandering without quite knowing what it wants to be.”
It-Times ittemm tfakkar li Bernard Grech dam mitt jum biex jagħżel ix-shadow cabinet tiegħu, li wkoll fuqu nqala’ inkwiet intern bejn id-deputati Nazzjonalisti.