It-Times ikkonfermat li l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Bernard Grech u Adrian Delia fetħu kawża li konsegwenza tagħha hemm li fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela u Chris Fearne jiġu mfittxija personalment b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Factchecker tat-Times innota li l-kawża ta’ Grech u Delia hi miftuħa kontra l-Avukat tal-Istat iżda li din l-istess kawża qed iġġiegħel lill-Avukat tal-Istat ifittex personalment lill-Prim Ministru u lil Chris Fearne.
Sa issa l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma rtirax din il-kawża li fuqha hemm deċiżjoni skedata għal bħal-lum ġimgħa.
Dan anki jekk din il-ġimgħa kompla juri l-ipokresija billi ħareġ stqarrija jgħid li Fearne għandu mis-sewwa wara li fit-Times u l-Boston Globe ġie żvelat li l-kumpanija Steward Healthcare allegatament kienet qed tagħmel kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn u allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ Chris Fearne.
Dan l-aġir ipokrita anki nnutah il-Prim Ministru f’kummenti mal-ġurnalisti.
Fuq il-kawża li tinstiga proċeduri personali fosthom kontra Fearne, kemm il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qed jiddefendu l-interess nazzjonali kontra wkoll aġir ta’ Oppożizzjoni li trid tfixkel proċeduri li għaddejjin fl-Arbitraġġ Internazzjonali, fejn il-Gvern qed ifittex lil Steward u jitlob kull ċenteżmu dovut lill-poplu Malti ta servizz li ma ħax skont il-ftehim tal-isptarijiet.
Fil-fatt quddiem dan l-Arbitraġġ, il-Gvern diġà rebaħ żewġ deċiżjonijiet favur tiegħu u issa l-Gvern permezz ta’ stqarrija li ħarġet flimkien mal-Kabinett tal-Ministri, qed jitlob lill-Avukat tal-Istat flimkien mat-tim legali lokali u internazzjonali, biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-istess Arbitraġġ Internazzjonali biex f’każ li ntużaw flus tal-konċessjoni tal-isptarijiet ħalli jiġu ffabbrikati stejjer fuq Chris Fearne, dawn jiżdiedu mat-talbiet li l-Gvern Malti diġà qed jagħmel kontra Steward.
Il-Kabinett tal-Ministri tenna l-appoġġ għal Chris Fearne kif kienet dejjem il-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, li minn dejjem esprima fiduċja ċara fi Chris Fearne tant li kien insista miegħu li ma kellux jirriżenja mill-kariga li kien jokkupa.
Anki l-Kabinett tal-Ministri dejjem appoġġja din il-pożizzjoni.
Filwaqt li l-istess Kabinett innota l-aġir tal-Oppożizzjoni, li dejjem kienet lesta tipprova tkisser lil Chris Fearne, fosthom meta kien se jkun nominat bħala l-Kummissarju Ewropew ta’ Malta.
Dan l-Oppożizzjoni għamlitu wkoll ftit aktar minn sena ilu meta sit ibbażat fi Brussell, kien allega li bint Carmen Ciantar, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, irċeviet flus biex dawn imbagħad jgħaddu għand Chris Fearne.
Madankollu, l-istess sit, jiġifieri l-EU Reporter, ftit wara mhux biss irtira din l-istorja giddieba, iżda ammetta li kien ippubblika storja mimlija allegazzjonijiet foloz.
Din l-istorja, li rikeb fuqha l-Partit Nazzjonalista, ġiet ukoll iċċertifikata li hi gidba mill-bidu sal-aħħar, mill-Pulizija.