Kien l-editorjal tat-Times of Malta li dalgħodu espona d-double standards ta’ Simon Busuttil. Dan billi semma l-każi tad-deputat Toni Bezzina u s-Sindku tar-Rabat Samuel Azzopardi. Fil-każ Toni Bezzina, l-editur tat-Times innota kif id-deċiżjoni tal-qorti tpoġġi lil Bezzina f’sitwazzjoni imbarazzanti bħala deputat u anke bħala xi ħadd li qed jaspira li jsir Ministru. Iżda, jżid iktar minn hekk.
“Dan il-każ għandu implikazzjoni diretta fuq l-għajta ta’ Simon Busuttil li se jnaddaf il-politika darba għal dejjem,” kompla jinkiteb fl-editorjal.
Iddeskriva d-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil li se jistenna l-appell bħala waħda legalistika u li tmur lil hinn dak li ħafna fehmu meta qal li se jadotta korettezza politika.
Bid-deċiżjoni tal-qorti kien stabbilit li Toni Bezzina bagħat ħaddiema jagħmlu xogħol fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq u li ġiegħel ħaddiema jagħmlu dikjarazzjoni falza, bl-editur jgħid li n-nuqqas ta’ azzjoni minn Busuttil tinftiehem li qed japprova dan l-aġir.
Issemma wkoll il-każ Samuel Azzopardi li reġa’ sar Sindku tar-Rabat ftit wara li nstab ħati li saq taħt l-effett ta’ xorb u rrifjuta li joqgħod għat-test tan-nifs. Bl-editur jgħid li t-tranżizzjoni minn raġel ħażin għal wieħed tajjeb kienet kmieni wisq. Intqal li huwa normali li jkun hemm riabilitazzjoni fil-politika iżda jistaqsi jekk il-PN setax stenna ftit iktar.
“Li jkollok standards għolja ta’ korrettezza politika huwa ideal sabiħ. Imma Busuttil għandu jassigura li qabel xejn japplikaw dawk l-istandards internament,” temm jgħid l-editorjal.