Factcheck ieħor mit-Times illum kixef iżjed il-gideb tal-eks Deputat u avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi dwar il-proġett taċ-Ċentru Akkwatiku f’Għawdex, li dwaru talab inkjesta oħra kontra l-Ministru Clint Camilleri fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, il-gazzetta tikkonkludi li kien hemm seba’ tenders pubbliċi b’kollox għal dan l-iżvilupp ta’ ċentru sportiv fuq livell internazzjonali fil-gżira Għawdxija u mhux wieħed kif isemmi Azzopardi fid-dikjarazzjoni li għamel fil-Qorti.
Waqt li ssemmi li t-total tat-tenders jammonta għal €19.8 miljun, it-Times tenfasizza li t-tender prinċipali ta’ €9.8 miljun ripetutament jittieħed bi żball bħala l-ispiża finali li kellu jiswa l-proġett u li, fil-fatt, ikkwota Jason Azzopardi.
Jingħad ukoll li kien hemm xi spejjeż addizzjonali, iżda ONE News hu informat li dawn huma kollha fil-parametri tat-tenders li nħarġu.
Nhar l-Erbgħa, il-Ministru Camilleri xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi li, bħal każi oħrajn, huma mmirati biss biex iħammġuh b’kull mezz bħala parti minn persekuzzjoni politika.