Adrian Delia mhuwiex Kap umli.
Hekk iddeskriva l-karattru tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia l-editorjal ta’ The Times of Malta.
L-editorjal qal li Delia jrid ikun umli kemm lejn il-vot li rebaħ kif ukoll lejn terz tal-kunsillieri li jew ivvutaw kontrih jew inkella ma vvutawlux.
“L-umilta hija kwalita li mhix faċli tidher f’Adrian Delia,” kiteb l-editorjal tat-times.
Innotat li Adrian Delia għamel ħiltu kollha biex ma jitteħidx vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Dan anki jekk kien mistenni li wara zewġ telfiet elettorali kbar jitlob vot ta’ fiduċja. Ir-reżistenza tiegħu wasslet sabiex jinħoloq aktar ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista, iddikjara l-editorjal.
Kiteb li t-test vera ta’ Adrian Delia jibda issa u l-amministrazzjoni nazzjonalista trid tipprova tiddedika l-enerġija tagħha biex tagħmel riforma fil-Partit Nazzjonalista.
“Irid ikollna oppożizzjoni effettiva u li tiffunzjona sew” – iddikjara l-editorjal.
Issa li Adrian Delia rebaħ il-vot ta’ fiduċja, għat-Times dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista irid jħejji għas-suċċessur tiegħu. Dan għax skont the Times, il-Partit Nazzjonalista mhux faċli jirbaħ b’Adrian Delia.
Sostniet li jrid jifhem li ħadd mhu ikbar mill-partit u xogħlu huwa li jgħin lill-Partit jgħaddi minn din it-tranżizzjoni mingħajr inkwiet – iddikjara l-editorjal.
Żied li Delia jrid jipprova jgħaqqad il-Partit, jaċċetta l-kritika li ssirlu, inaddaf lill-partit minn dawk li sejjaħ bħala elementi arroganti fil-partit u fuq jevita milli jġib l-interessi tiegħu qabel dawk tal-Partit Nazzjonalista. Qal li għandu jieħu l-partit għaċ-ċentru u ma jkomplix bil-politika populista tal-lemin estrem.
Fuq kollox saħaq li mingħajr umiltà vera min-naħa taż-żewġ fazzjonijiet, il-partit se jkompli jitkisser biċċiet. Jekk in-nies ma jinbidlux, xejn mhu se jinbidel fil-Partit Nazzjonalista, temm l-editorja ta’ The Times.