Editorjal tat-Times, ‘Rent law reform breakthrough’ sejjaħ ir-riforma mħabbra mill-Gvern dwar il-kirjiet ta’ qabel l-elf disà mija ħamsa u disgħin bħala waħda konvinċenti li tindirizza din l-isfida li għal għexerien ta’ snin, tħalliet fuq l-ixkaffa minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Innota kif il-Gvern qabad il-barri minn qrunu dwar din l-isfida nazzjonali u se jkun kredtu tiegħu li din il-kwistjoni tiġi riżolta darba għal dejjem.
L-editorjal fakkar li l-emendi fil-liġi tal-kirjiet protetti introdotti fl-elfejn u disgħa fallew milli jsolvu l-kwistjoni marbuta mal-iffriżar tal-kirjiet ta’ proprjetajiet b’kirjiet protetti, kif anke jixhdu d-deċiżjonijiet tal-Qorti, u li r-riforma li ħabbar il-Gvern se tipproteġi l-interessi ta’ inkwilini vulnerabbli u tikkumpensa lis-sidien li fil-preżent qegħdin jirċievu kirja li ma tirriflettiex il-valur tal-proprjetà tagħhom illum.
F’kuntest li inkwilini vulnerabbli ilhom għal snin jgħixu fil-biżà li se jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, l-editur ta’ The Times irrikonoxxa kif il-Gvern impenja ruħu li jiżgura li inkwilini vulnerabbli, b’riżorsi finanzjarji limitati, ma jkollhomx għalfejn jinkwetaw dwar is-sigurtà tal-kirja tagħhom.
Iżda b’ton differenti minn dak tal-editorjal tat-Times u mar-reazzjonijiet pożittivi ta’ bosta imsieħba għal din ir-riforma, il-Partit Nazzjonalista baqa’ iżolat fit-tmaqdir.
Fuq il-programm XTRA d-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo viżibbilment skomdu meta mistoqsi mill-preżentatur dwar x’għamel Gvern Nazzjonalista fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena dwar din l-isfida ma lissen ebda soluzzjoni li ngħatat u minflok ammetta li faċli wieħed imaqdar mill-Oppożizzjoni.
Meta mistoqsi dwar il-proposti alternattivi tal-Partit Nazzjonalista għal dawk li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela biex jiġu indirizzati l-kirjiet, id-deputat Nazzjonalista tenna dak li kien qal f’konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn li għadda.