It-Times of Malta qalet li Bernard Grech għandu jitlob apoloġija wara d-diskors insensittiv lejn in-nisa li għamel l-Erbgħa fil-Parlament.
Fl-editorjal tal-ħarġa tal-lum, it-Times qalet li b’dak id-diskors, Grech iddegrada d-diskussjoni importanti dwar l-emenda proposta għall-Kodiċi Kriminali biex jiġu protetti l-mara u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ komplikazzjoni fit-tqala li tpoġġi f’periklu ħajjet jew saħħet il-mara. Barra minn dan, rewwaħ il-fjammi tal-estremiżmu f’pajjiż li diġà għandu storja ta’ modi ta’ espressjoni problematiċi u ta’ vjolenza fil-konfront tan-nisa.
Fid-dawl ta’ dan, it-Times qalet li Grech mhux biss għandu jitlob skuża, talli għandu jnaqqas it-ton aggressiv tiegħu u jwissi kontra s-sentimenti estremisti fil-Partit Nazzjonalista.
It-Times ikkritikat lil Grech talli fid-diskors tiegħu spiċċa jiżżufjetta bla sens b’kunjom Andrea Prudente waqt dik li kellha tkun diskussjoni matura fil-Parlament. Minflok analizza l-emenda proposta, ipprova jimpressjona lill-konservattivi fundamentalisti billi penġa lil Prudente bħala għadu u pprova jċekken lilha u l-mument ta’ prova li kellha tgħaddi minnu.
Il-gazzetta rrimarkat li l-fatt li Grech darbtejn staqsa għaliex Prudente ħadet titjira ta’ 20 siegħa biex tiġi għal btala f’Malta jagħti kredibilità lill-allegazzjonijiet mhux ippruvati li għamel l-eks deputat tal-Blue Heroes, Jason Azzopardi, li fuq il-Facebook allega li Prudente nġiebet Malta biex jitqanqlu l-ilmijiet fuq dan is-suġġett. Fl-allegazzjoni tiegħu, Azzopardi għajjar “żibel” lil dawk li fis-sajf li għadda assistew lil Prudente meta nqabdet f’pajjiżna b’kumplikazzjoni medika fit-tqala tagħha. Wara dak il-kumment, Prudente u żewġha fetħu libell kontrih.
“Huwa irresponsabbli bil-kbir li Kap tal-Oppożizzjoni jagħti l-impressjoni li huwa normali u tajjeb li twaqqa’ għaċ-ċajt is-sitwazzjoni serja li għaddiet minnha mara u ddawwarha f’persuna li għandha tintwera l-mibegħda lejha,” qalet it-Times. Sostniet li, jekk irid jipperswadi lill-pajjiż, il-PN irid għall-inqas juri ftit sensittività lejn in-nisa li ma jaħsbuhiex bħalu fuq din il-kwistjoni.
It-Times saħqet li l-mod kif jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa importanti għax dan jinqabad u jiġi amplifikat permezz ta’ kummenti bla skrupli u mimlija mibegħda fil-midja soċjali. Aktar minn hekk, qalet li Bernard Grech irid jifhem il-perikli tal-fatt li jipprova jkun populista biex jirbaħ il-punti politiċi billi jistigmatizza lin-nisa.
Ilbieraħ, anki l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) appellat għal aktar sensittività mill-atturi soċjali u politiċi kollha meta tiġi diskussa l-emenda proposta tal-kodiċi kriminali. “Irrispettivament mill-pożizzjoni tal-individwu fid-dibattitu attwali, l-esperjenzi tan-nisa li għaddew minn żminijiet ta’ sfida u ta’ uġigħ m’għandhom qatt jiġu ridikolati jew miċħuda iżda pjuttost mismugħa, rispettati, apprezzati u mogħtija l-kunsiderazzjoni xierqa,” appellat il-Kummissjoni.