Il-ġurnal The Times ippubblika reklam ta’ għaqda mhux governattiva Ġermaniza bl-isem “Space Eye”, li fiha ġew ripetuti l-allegazzjonijiet fil-konfront tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-patrol boat P52.
L-għaqda mhux governattiva Ġermaniża, li spiċċat tirreklama bi prominenza fuq it-Times, allegat li suldat tal-Armata li ħareġ isalva l-immigranti qalhom li se jħallihom imutu fl-ilma, imma ħadd mhu se jiddaħħal f’Malta.
Dawn is-suldati bħalissa qegħdin jiġu investigati f’inkjesta maġisterjali, wara li l-għaqda Repubblika, permezz tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, preżentat kwerela kontra s-suldati. Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi akkuża lis-suldati b’attentat ta’ qtil ta’ immigranti.
Dalgħodu l-avukat Herman Mula li qed jiddefendi lis-suldati quddiem l-investigazzjoni li għaddejin minnha preżenta dan ir-riklam lill-Maġistrat Joseph Mifsud li qed imexxi l-inkjesta u talbu jinvestiga.
Fl-argumenti tiegħu Dr. Mula saħaq li dan ir-reklam fuq it-Times fih dettalji totalment inveritieri u jistgħu jinfluwenzaw u jfixklu l-investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita il-verità.
L-avukat tas-suldati qal li filwaqt li jifhem li l-liberta’ tal-espressjoni hija dritt fundamentali, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat f’bilanċ mal-etika ġurnalistika.
Saħaq li l-informazzjoni ippublikat f’dan ir-reklam hija qarrieqa u bla bażi.
Intant kien ġie rappurtat li evidenza li ressqet l-għaqda Repubblika stess uriet li l-allegat sabutaġġ fuq dgħajsa tal-immigranti ma kienx xejn għajr proċedura ta’ salvataġġ normali li ssir dejjem bejn sema u ilma.
Ftit wara, Jason Azzopardi ħarab mill-akkużi li għamel u rrinunzja lilu nnifsu minn fuq id-denunzji li fetaħ.
Għal dan l-aġir, Jason Azzopardi sab lil Adrian Delia jiddefendih.
Fil-fatt Delia ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi u saħansitra rrepeta l-akkużi li għamel il-kelliem tiegħu.