Ftit tas-sigħat qabel mal-Kap Nazzjonalista jitkellem fil-Parlament fuq il-Budget, kompliet toħroġ il-qasma u l-intriċċi bejn il-fazzjonijiet fil-partit, bejn dik ta’ Simon Busuttil, illum wara Bernard Grech u dik ta’ Adrian Delia.
Dan permezz ta’ storja fuq it-Times, li rrappurtat li Frank Psaila, kandidat Nazzjonalista għall-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kien offrut xogħol mal-grupp ta’ Tumas, jekk ma jitlax fl-elezzjoni.
Psaila kien kandidat leali lejn Adrian Delia u mbuttat ferm mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fl-2019.
Saħansitra wara t-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fuq ix-xandir, David Thake, illum Deputat Nazzjonalista, kien allega li Delia ġie offrut ħamsin elf ewro biex tiġi imminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa ħalli dan ma jiġix elett.
Dawn l-akkużi affaċċjahom ukoll Pierre Portelli, l-id il-leminija ta’ Delia, meta dan kien għadu Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq dawn l-allegazzjonijiet hemm inkjesta Maġisterjali, b’Delia u Portelli jiċħdu l-akkużi li ħadu jew ġew offruti flus mingħand Yorgen Fenech.
Yorgen Fenech imbagħad kien issemma mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fejn propju f’intervista ma’ dak li llum ingaġġjah bħala strateġista, iddikjara li jagħti l-maħfra Presidenzjali lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant Psaila baqa’ sal-aħħar jissielet għall-wirt tal-voti u kien l-aħħar kandidat Nazzjonalista li waqa’ qabel tela’ Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Wara li finalment reġa’ ġie elett, Casa kien irringrazzja lil bosta nies fosthom lil eks Kapijiet Nazzjonalisti bħal Simon Busuttil iżda lil Adrian Delia ma kienx semmieh.
Issa t-Times ħarġet b’din l-istorja fuq wieħed mill-figuri fil-Partit Nazzjonalista li baqa’ jappoġġja lil Adrian Delia wara li anki reġa’ qam ġlied bejn iż-żewġ fazzjonijiet li kien imnebbaħ mill-mossa tax-‘show of force’ ta’ Delia fl-attività politika ta’ Bernard Grech lejlet l-indipendenza.
Mat-Times, Psaila qal li huwa rrifjuta x-xogħol offrut mill-grupp ta’ Yorgen Fenech u rrimarka li l-allegazzjoni li huwa kien imbuttat minn Fenech hija inġusta.
“Din hija assumzjoni mhux pruvata u xi ħaġa inġusta li ma tagħmilx ġustizzja man-nies li jagħżlu li jikkontestaw l-elezzjonijiet”, saħaq Frank Psaila mat-Times, li fir-rimarki tiegħu deher li urta ruħu bil-kbir, li ssemma bħala l-kandidat imbuttat mit-tmexxija ta’ Delia fl-elezzjoni tal-2019 għas-spejjeż ta’ Casa.
Fil-fatt Psaila qal li ma jfissirx li xi ħadd bħal Fenech, li ġie rappurtat li ħadem kontra Casa, imbagħad bilfors appoġġja kandidat ieħor.