Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, tħabbar li t-tim tal-futbol tan-nisa tal-Manchester United se jżur Malta għal training camp bejn it-3 u t-8 tax-xahar id-dieħel.
Bħala parti minn dan il-programm ta’ taħriġ, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar Manchester United se jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra t-tim lokali tan-nisa ta’ Birkirkara, fit-Tony Bezzina Stadium. Id-dħul għal din il-partita se jkun bla ħlas.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li l-ħidma sabiex nagħtu viżibilità internazzjonali lil pajjiżna u lill-brand VisitMalta huwa aspett li għaddejja ħidma fuqu kontinwament. Semma kif it-training camp tal-Manchester United Women se jgħinbiex pajjiżna jistabbilixxi ruħu bħala destinazzjoni ideali għal kull forma ta’ turiżmu sportiv, filwaqt li pajjiżna u s-sbuħija tiegħu jaslu fid-djar tal-mijiet ta’ eluf ta’ ammiraturi tal-Manchester United.
Carlo Micallef tkellem dwar xi jfissru għal Malta avvenimenti bħal dawn.
“Ifissru t-turiżmu importanti fix-xhur tax-xitwa, fejn it-turiżmu jkun iżjed kajman 8 xhur oħra, ikun qligħ għal-lukandi tagħna, qligħ għas-suppliers li jaħdmu fit-turiżmu, pero’ iktar minn hekk ikun promozzjoni ta’ pajjiżna fil-pajjiżi li jkunu ġejjin minnhom dawn it-timijiet, u din iż-żjara ta’ Manchester United, iż-żjara ta’ timijiet oħra li se jkunu qegħdin jipparteċipaw f’TIM Sport, se jkun hemm promozzjoni qawwija ta’ pajjiżna fl-Ingilterra, fil-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u anke ukoll fid-dinja tal-football inġenerali.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li ż-żjara tat-tim tan-nisa tal-Manchester United f’Malta hija impenn ċar li l-ftehim li jeżisti bejn VisitMalta u Manchester United, qed iwassal biex igawdi l-pubbliku sportiv b’mod ġenerali. Huwa qal li s-suċċess li qegħdin niksbu fit-turiżmu rridu nrodduh lura b’entużjażmu lil-poplu billi nkomplu nattiraw uħud mill-aqwa ismijiet fid-dinja sportiva għal training camps f’Malta.
Il-Ministru Clayton Bartolo sostna fuq l-importanza ta’ inizjattivi ta’ din ix-xorta u qal li hemm aktar imħejji għall-ġejjieni.
“L-inizjattivi ma jaqtgħu xejn u, fil-fatt, aħna qegħdin inkomplu naħdmu biex nibnu fuq is-suċċessi li diġà ksibna, apparti ż-żjara tat-tim ta’ Manchester United tan-nisa, se jkollna wkoll it-TIM Sport Cup li se tkun qiegħda tintlagħab f’pajjiżna, din id-darba b’6 timijiet internazzjonali u, apparti minn hekk, se jkollna koll iżjed inizzjattivi mhux biss fil-futbol iżda anke fejn jidħol il-waterpolo u ċ-ċikliżmu. Dan kollu juri kemm pajjiżna kapaċi jkun ċentru ta’ eċċelenza għat-turiżmu sportiv sabiex b’hekk aħna, filwaqt li nattiraw dawn it-timijiet lejn pajjiżna, inkomplu nieħdu l-marketing li hemm bżonn biex inkomplu nkattru u nżidu t-turiżmu lejn Malta.”