It-tim tal-futbol tan-nisa ta’ Manchester United se jerġa’ jżur pajjiżna għat-tieni training camp bejn it-3 u t-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
F’din iż-żjara, se tintlagħab partita ta’ ħbiberija bejn it-tim tan-nisa ta’ Manchester United u t-tim tan-nisa ta’ PSV Eindhoven, fl-Istadium Tony Bezzina fil-5 ta’ Jannar li ġej. Dan it-training camp huwa frott tas-sħubija li teżisti bejn VisitMalta u Manchester United.
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, Malta se tospita diversi timijiet barranin li ser ikunu f’pajjiżna għal training camps u tournaments. Dawn l-inizjattivi ser jiġġeneraw ukoll viżibilità fuq it-televiżjoni u l-mezzi diġitali f’pajjiżi bħall-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, is-Slovakkja u l-Olanda.
B’dan qed jistma li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla qed jistmaw li mit-turiżmu sportiv se jiġu ġġenerati 12,500 bed night.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li matul din is-sena t-turiżmu sportiv kien kontributur importanti biex jiġu attirati viżitaturi f’xhur li sa ftit tas-snin ilu ma kinux tradizzjonalment assoċjati mat-turiżmu.
Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef semma li għaddejja ħidma kontinwa biex pajjiżna jingħata viżibilità fuq skala internazzjonali.
Micallef sostna li permezz tal-ftehim bejn il-brand VisitMalta u Manchester United se jkunu jistgħu jkomplu jistabbilixxu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fil-qasam tat-turiżmu sportiv; dan filwaqt li jiżdiedu wkoll l-entużjażmu u l-għarfien tas-sbuħija tal-prodott turistiku Malti, mal-miljuni ta’ ammiraturi ta’ Manchester United.