Wara ħidma sfieqa mill-klabb ta’ Fgura United, dawk li jżuru dan il-grawnd, jistgħu jgawdu mix-xogħol li sar li tejjeb il-faċilitajiet tat-tim.
Il-klabb mill-Fgura, bl-għajnuna tal-Gvern, għamel investiment ta’ madwar erba’ mitt elf ewro fit-titjib tal-faċilitajiet.
Dwar dan tkellimna aktar mad-Direttur tal-Futboll taż-Żgħażagħ ta’ Fgura United, il-kowċ, Claude Chetcuti li spjega li x-xogħlijiet kienu jinkludu minn resurfing tal-grawnd u anki lasti ġodda.
“Ir-resurfacing kien importanti għax il-grawnd kien ilu ‘l fuq minn għaxar snin issa, allura ċertu kwalità tal-pitch tonqos. Issa hekk ġie aktar sigur ukoll biex titħarreġ, anki fix-xita jiżloq inqas, inżomm inqas ilma jiġifieri dawk kollha vantaġġi ta’ resurfacing.”
Dawn il-faċilitajiet fil-Fgura jagħmlu użu minnhom mijiet ta’ sportivi u huwa post fejn iż-żgħażagħ jifformaw il-karattru tagħhom, waqt li jqattgħu ħin ta’ kwalità.
Ftit tal-jiem ilu il-faċilitajiet ta’ Fgura United intużaw ukoll sabiex ospitaw kamp ta’ taħriġ, li ra s-sehem ta’ sitt kowċis internazzjonali. Għal dan it-taħriġ attendew mal-mitt tifel u tifla li għandhom bejn is-sitt u t-tnax-il sena.
Dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ Craig u Gabriel li qasmu magħna l-esperjenza tagħhom.
“Għamilna ħafna shooting skills u niġru ħafna u ħadt pjaċir ħafna.”
“Tgħallimt ħafna tattiċi ġodda u ħafna affarijiet hekk, il-kowċis kienu kollha jogħġbuni imma l-aktar wieħed li laqatni partikolari kien dak li ġie mill-Ingilterra.”
“Il-kowċis jafu jiċċajtaw ħafna għalhekk ħadt gost ukoll.”