It-tim nazzjonali tan-nisa tal-basketball rebaħ il-Kampjonat Ewropew FIBA għall-Pajjiżi Żgħar 2016. Huma għelbu lil Moldova fis-semifinali, u aktar kmieni fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni rebħu lil Andorra u Ġibilita’.
Fil-finali, rebħu lill-Irlanda bi skor ta’ 67-59. Fl-aħħar tmien edizzjonijiet tal-istess Kampjonat, it-tim Nazzjonali tan-nisa tela’ fuq il-podju 7 darbiet u din hija t-tielet midalja tad-deheb wara dawk tal-2008 u l-2010.
Il-Gvern, permezz ta’ SportMalta jagħti s-sostenn tiegħu lill-assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball fejn fost l-oħrajn għen biex tinbena tinda biswit il-padilju tal-Basketball f’Ta Qali, u qed jaħdem biex issir manutenzjoni xierqa fil-Padiljun eżistenti.
Dawn il-faċilitajiet huma essenzjali għall-atleti biex ikunu jistgħu jitħarrġu bl-aħjar mod possibbli.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport l-Onorevoli Chris Agius, jawgura lit-tim nazzjonali tan-nisa tal-basketball għal dan is-suċċess. Huwa jibgħat l-awguri b’mod speċjali lill-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana, lill-kumitat, lill-kowċ Angela Adamoli u l-istaff li jassistiha.