It-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt is-16-il sena u Katrina Micallef (Ibburdjar) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar għal Ġunju 2024.
It-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt is-16-il sena ħa sehem fil-Kampjonat tad-Dinja ta’ taħt is-16-il sena li sar f’pajjiżna, bejn it-18 u l-24 ta’ Ġunju. Ħadu sehem fost l-aqwa atleti żgħażagħ minn madwar id-dinja, fejn il-Maltin b’dedikazzjoni u determinazzjoni liema bħala, spiċċaw fis-17-il post.
Fi Grupp H, Malta bdiet b’rebħa kbira ta’ 16-6 kontra l-Każakistan, iżda tilfet kontra r-Rumanija 12-11 u l-Greċja 8-4. Madanakollu, fil-logħob tal-klassifikazzjoni, il-Maltin għamlu rimonti eċċezzjonali u għelbu lill-Afrika t’Isfel 16-9, lit-Turkija 8-4 u lill-Iżrael 11-8.
Min-naħa l-oħra Katrina Micallef, li għandha 16-il sena, rebħet midalja tal-bronż storika għal Malta fl- ILCA 4 World Championship, li sar fil-Portugall, bejn it-22 u t-30 ta’ Ġunju.
Micallef spikkat fost il-150 tfajla li rrappreżentaw 45 pajjiż.
L-Olandiżi Hieke Schraffordt u Feline van Ede ddominaw l-ewwel żewġ postijiet rispettivament, segwiti minn Micallef fit-tielet post fuq il-podju. Micallef għaddiet b’63 punt lit-Taljana Clara Lorenzi li kienet ferm ikkwotata f’din il-kompetizzjoni. Dan is-suċċess għal Katrina Micallef ġie wara preparazzjoni kbira matul ix-xitwa, li biha kienet kapaċi tmur tajjeb f’kundizzjonijiet klimatiċi xejn faċli.
Il-preżentazzjoni tal-unuri tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar saret minn Matthew von Brockdorff Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/