It-tim Nazzjonali Malti ser ikun wieħed mit-timijiet internazzjonali inkluż fi Pro Evolution Soccer 2020.
L-appassjonati Maltin tal-logħba tal-futbol ser ikunu jistgħu jilgħabu bi plejers lokali Maltin hekk kif ftit tal-jiem ilu l-kreaturi tal-logħba, KONAMI DIGITAL ENTERTAINMENT, ħabbru partnership esklussiv mal-UEFA.
Dawn huma t-timijiet uffiċjali li ser ikunu disponibbli fuq PES 2020:
https://www.konami.com/wepes/2020/eu/ru/all/page/license
Sħubija li permezz tagħha issa PES 2020 ingħatat il-liċenzja uffiċjali għall-kompetizzjoni tal-EURO 2020 li ser tkun qed tintlagħab madwar l-Ewropa kollha, bil-finali ssir f’Wembley Stadium f’Londra.
B’hekk 50 tim internazzjonali ser ikunu involuti kemm fil-logħba oriġinali ta’ PES 2020 u kif ukoll fil-kompetizzjoni tal-UEFA Euro 2020 li ser tkun tista’ tiġi mniżżla b’xejn bħala estenzjoni tal-logħba stess fi żmien il-kompetizzjoni tal-EURO bejn April u Ġunju tal-2020.
Il-qbil bejn KONAMI u l-UEFA ser jinkludi wkoll turnew onlajn magħruf aħjar bħala Esports tournament li fih individwi minn madwar l-Ewropa kollha ser ikunu jistgħu jikkompetu bit-tim internazzjonali tagħhom.
PES 2020 hija l-kompetitur dirett tal-logħba tant rinomata FIFA u l-kreaturi tagħha EA SPORTS li dan l-aħħar urtaw mhux ftit lill-pubbliku hekk kif tilfu d-drittijiet għat-tim tal-Juventus.
Drittijiet li ngħataw lil KONAMI u l-logħba PES. Filfatt dawk li jilgħabu bit-tim tal-Juventus fil-logħba FIFA minn din is-sena f’Fifa 20 ser ikollhom jikkuntentaw bit-tim ta’ Piemonta FC.
PES 2020 ser tkun disponibbli għal pubbliku fuq il-Playstation, XboxOne u wkoll fuq Steam fuq il-kompjuter.
Ara hawnekk l-istqarrija uffiċjali minn KONAMI: https://www.konami.com/games/eu/en/topics/15246/