It-Tim Malti tal-Pickleball huwa r-rebbieħ tal-ewwel TGS Fair Play Award għas-sena 2024, mogħti mill-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions. Dan il-premju ta’ kull tliet xhur huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
Bejn id-9 u l-10 ta’ Marzu li għadda, il-Malta Pickleball organizzat għall-ewwel darba tournament internazzjonali għat-timijiet tal-fuq minn 19 u 50 sena, fil-Kulleġġ De La Salle.
Waqt it-tournament tat-timijiet ‘il fuq minn 50 sena, li sar fl-10 ta’ Marzu, it-Tim Malti u dak tar-Renju Unit għamluha għall-finali. Waqt il-logħba tad-doubles tal-irġiel, il-plejer Ingliż Tony Thompson kellu inċident sfortunat meta waqa’ u weġġa’ sew, bil-konsegwenza li ma setax ikompli jilgħab u l-logħba kellha tiġi mwaqqfa.
It-Tim Ingliż kien lest li jagħti walk-over lill-Maltin u b’hekk jirbħu l-ewwel post. It-Tim Malti immedjatament iddiskuta s-sitwazzjoni u kien hemm qbil assolut li l-ewwel post jinqasam bejn iż-żewġ timijiet. Il-Maltin deherilhom li ma kienx sew li jieħdu rebħa fuq incident hekk sfortunat.
Min-naħa tiegħu, Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal, “Kienet deċiżjoni altruwista li ħa t-tim tal-Malta Pickleball sabiex jaqsam ir-rebħ tal-finali mat-tim mir-Renju Unit. It-tim Malti seta’ ħa rebħa faċli b’konsegwenza ta’ dak li ġara imma l-ġest eżemplari tal-Maltin jixhed il-veru spirtu sportiv.”
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi u l-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv Josef Galdes.
Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
Ritratt: Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions jippreżenta t-trofew tat-TGS Fair Play Award għal Jannar – Marzu 2024 lil Steffi Pace Girard, Fundattriċi u Head Coach ta’ Malta Pickleball, flimkien ma’ Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement), Stephen Azzopardi (Amministratur GħĠS) u Josef Galdes (Membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-GħĠS).