Jinsabu fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet marbuta mal-partita tant mistennija Malta-Ingilterra fis-sittax ta’ Ġunju.
ONE News esperjenza għodwa fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali, fejn fehem aħjar il-ħidma ta’ preparazzjoni li ssir u x-xogħol kbir ta’ loġistika li tirrikjedi logħba bħal din.
Fejn jidħol it-taħriġ, it-tim nazzjonali tal-kbar għaddej b’taħriġ kontinwu u ta’ kuljum.
Iżda lil hinn mit-taħriġ fiżiku, logħba bħal din tirrikjedi organizzazzjoni kbira, li tinvolvi kemm lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, kif ukoll entitajiet oħra, bħall-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili, it-trasport pubbliku, l-isptar Mater Dei, u entitajiet li jieħdu ħsieb it-tindif u s-sigurtà privata.
Id-Direttur tal-Football Operations tal-MFA, Stephen Azzopardi, spjegalna l-ħidma li ssir minn ġimgħat qabel biex kull organizzazzjoni u entità, tifhem l-irwol tagħha f’attività bħal din.
“Aħna rridu nqisu li inti trid tipprepara kemm l-art fejn ħa jilagħbu l-plejers, il-pitch innifsu, imma wkoll l-istands, it-toroq, il-parkeġġi, l-aspetti mediċi, l-aspetti ta’ ospitalità, il-kuntrattur tal-bar, it-tindif kemm qabel u anki waqt il-partita nnifisha għax nesiġu li t-tindif jibqa’ għaddej anki waqt il-partita fejn ikun hemm kwantità kbira ta’ nies, jiġifieri ħafna xogħol li jinvolvi ħafna dipartimenti fi ħdan l-Assoċjazzjoni, li jridu jaħdmu flimkien ukoll biex idealment naslu għal partita bħala din l-aktar preparati kemm nistgħu.”
Il-partita, li se tintlagħab nhar il-Ġimgħa sittax ta’ Ġunju, se ssir bħala parti mil-logħob tal-kwalifikazzjoni tal-Euro2024.
F’pajjiżna bħalissa hawn uffiċjali mill-UEFA li qed iwettqu l-assessjar meħtieġ fil-grawnd fejn se tintlagħab il-logħba, biex ikunu ċerti mis-sigurtà tal-pitch għall-plejers.
Konsulent tekniku barrani qalilna li tim sħiħ jintbagħat mill-UEFA f’kull pajjiż Ewropew u lil hinn, fejn ikunu se jintlagħbu l-logħbiet.
“The pitch testing things that we look at are surface hardness, how firm the surface is, and the moisture levels, so we kind of want to make sure that the pitch is going to hold together as strong as possible so that the players can feel a hundred percent safe and play the way they want to play on it.”
Kull logħba internazzjonali li tintlagħab f’pajjiżna ġġib magħha l-kriterji partikolari tagħha, iżda dawn jiżdiedu meta jiġu timijiet li joħolqu interess ikbar, bħal meta fl-aħħar xhur ġew Malta t-timijiet tal-Italja u ta’ Spanja.
Skont id-Direttur tal-Football Operations tal-MFA, l-ikbar interess mill-poplu Malti ntwera malli tħabbar li ġej Malta t-tim Ingliż.
“It-tim Ingliż għandu ġibda kbira, kemm mill-poplu Malti li jieħu pjaċir kemm li jara t-tim nazzjonali Malti jilgħab kontra l-Ingilterra kif ukoll jara l-istilel Ingliżi jilagħbu, imma anki min-naħa ta’ supporters Ingliżi, jiġifieri aħna mgħarrfa li l-parti allokati għat-tim nazzjonali Ingliż, is-supporters tagħhom, kellhom talba kważi doppja ta’ dak li aħna stajna nagħtu, allura mbagħad kellhom jagħmlu d-draws.”
Is-sigurtà f’logħba bħal din, tkun l-ikbar prijorità.
Dakinhar tal-logħba se jkun hemm ċentru biex minnu jiġu kkoordinati s-servizzi mediċi u ta’ sigurtà ħalli kulħadd ikun jista’ jgawdi l-atmosfera mill-isbaħ, b’serħan il-moħħ.
“Fiduċjuż li bix-xogħol li qed jagħmel kulħadd, naslu biex inkunu preparati għal din il-partita tant mistennija.”