B’referenza għal rapporti fil-midja dwar allegat tifqija ta’ Swine Flu fl-isptar u f’dar tal-anzjani, il-Ministeru għas-Saħħa qal li din it-tip ta’ influenza feġġet għall-ewwel darba fl-2009. Dak iż-żmien kienet ta’ theddida akbar minħabba li kienet marda pjuttost ġdida, u l-pazjenti ma kinux esposti għas-sintomi li jġib miegħu dan il-virus.
Il-Ministeru spjega kif mill-2009 s’issa, l-iswine flu hija sfida għal diversi pajjiżi Ewropej, partikolarment fi żmienijiet ta’ influenza staġjonali, iżda issa, it-theddida hija ferm anqas madwar l-Ewropa kollha.
It-tilqima tal-influenza li ngħatat lil 85,687 persuna b’xejn miċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ pajjiżna kien fiha wkoll trattament għal dan il-virus. It-tilqima għadha disponibbli b’xejn f’kull Ċentru tas-Saħħa f’Malta u Għawdex.
Il-Ministeru kkjarifika wkoll li dawk il-pazjenti li qed jieħdu l-kura għall-iswine flu fl-Isptar Mater Dei ħadu din il-marda mill-komunità u ttieħdu l-isptar minnufih.