“Ejja nipproteġu dak li diġà ksibna.”
Dan kien l-appell tal-Prim Ministru Robert Abela għal kull min għadu ma ħax il-vaċċin kontra l-Coronavirus.
F’intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru nnota kif il-programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna kien fost il-fatturi li wasslu biex il-Fond Monetarju Internazzjonali jirrevedi ’l fuq it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna.
Huwa spjega kif bħalissa t-tilqim qed jipproteġi s-suċċessi li bħala nazzjon ksibna fil-pandemija.
Il-Prim Ministru rrimarka, “Kif ħafna jafu bħalissa għandna attività tajba għaddejja, ristoranti miftuħin, taħriġ sportiv li kompla, attivitajiet kulturali u artistiċi li reġgħu bdew bil-mod u postijiet tax-xogħol li għaddejjin bis-saħħa. Ejja nħallu dan kollu għaddej u nagħmlu l-passi li jmiss. Iżda biex nagħmlu hekk irridu nżommu l-programm ta’ vaċċinazzjoni għaddej b’saħħtu u ma nistgħux inserrħu rasna sakemm ma jkollniex kemm jista’ jkun lil kulħadd ivvaċċinat.”
Dr Abela fakkar fil-previżjonijiet tal-bidu tal-pandemija; li mal-ħamsin elf persuna kellhom jitilfu l-impjieg. Madanakollu, sa nofs Lulju kien hemm biss elf u sitt mitt persuna fuq ir-reġistru. Dan huwa l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol fl-istorja.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kien iqis l-għajnuna fi żmien il-pandemija bħala tberbieq ta’ flus.
Dwar il-minoranza li ma tridx tieħu l-vaċċin, il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-pajjiż ma jistax iġiegħel lin-nies jieħduh bilfors, pajjiżna se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex iżomm lill-Maltin u lill-Għawdxin siguri.
Intant, jumejn wara l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, il-Mexxej tal-Partit innota kif din uriet biċ-ċar li dan huwa partit tan-nies li jagħmel il-politika għan-nies.
Dr Abela stqarr, “Din kienet konferenza li ma ġietx minn imkien, iżda li nbniet fuq l-ideat tan-nies, fuq il-proġett tal-mitt idea li tant kelli ċans nitkellem dwaru riċentament, u dan proġett li tant għandi għal qalbi li jkompli jagħtina skop nitkellmu fuq il-futur; fuq dak li rridu għal pajjiżna.”
F’ġimgħa li matulha ġew inawgurati żewġ proġetti kbar; dak tal-promenade ta’ Marsalforn u tal-iskola tal-Arti, il-Prim Ministru qal li bil-proġett ta’ Marsalforn, il-promenade reġa’ ngħata lura għat-tgawdija tal-poplu, filwaqt li bil-proġett tal-iskola tal-arti, il-Gvern ta sinjal ċar li l-arti hija waħda mill-oqsma fejn irid jinvesti iktar.
Il-Prim Ministru assigura li l-Gvern se jkompli jisma’ l-prijoritajiet tan-nies biex b’investimenti differenti, tingħata l-opportunità biex kulħadd iwettaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Robert Abela sostna, “Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd għandu t-talenti tiegħu, l-aspirazzjonijiet tiegħu, il-passatempi tiegħu, il-ħolm tiegħu u aħna bħala Gvern irridu nibqgħu naħdmu b’mod li filwaqt li nżommu b’saħħitha l-bażi ekonomika u soċjali tal-pajjiż, nifirxu l-ħidma u l-investimenti tagħna b’mod li f’dan il-pajjiż kulħadd ikollu l-opportunità li jimxi ’l quddiem fejn irid u kemm irid.”