Editorjal tal-gazzetta Maltatoday innota kif il-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19 f’pajjiżna kien wieħed suċċess u qed iħalli riżultati.
Dan għaliex minkejja ż-żieda fil-każijiet, in-numru ta’ pazjenti fl-isptarijiet minħabba l-Covid-19 huwa ferm inqas din is-sena, mis-sena l-oħra.
Hawnhekk l-editur tal-gazzetta jgħid li hemm spjegazzjoni realistika waħda għal dan kollu, li l-programm ta’ tilqim kien wieħed ta’ suċċess.
L-editur fakkar li l-vaċċin qatt ma kellu l-għan li jwaqqaf milli wieħed jinfetta ruħu bil-virus iżda tabilħaqq qed inaqqas l-effetti severi tal-virus.
L-editorjal irrikonoxxa ħsibijiet ta’ nies li jsiru xettiċi fuq it-teħid tal-vaċċin wara li ħadu l-ewwel dożi u issa qed iġibuha bi tqila biex jieħdu l-booster.
Hawnhekk ingħad li għamel sew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li saħaq fuq it-teħid tal-booster biex dan jipproteġina għax-xhur xitwin wara li l-ewwel dożi proteġewna għas-sajf u l-ħarifa.
Intant l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika ħarġet stqarrija quddiem iż-żieda fil-każijiet pożittivi għall-Covid-19.
Quddiem sfidi fl-isptarijiet, l-Assoċjazzjoni appellat għat-teħid tal-booster u anki biex it-tfal jitlaqqmu.
Qalet li l-vaċċin jgħin biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata u biex l-iskejjel jibqgħu miftuħa.
L-Assoċjazzjoni rrimarkat ukoll favur l-osservanza ta’ miżuri importanti kontra t-tixrid fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri.