L-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali hija preparata biex ladarba tibda tingħata d-doża addizzjonali tal-vaċċin, din tingħata lir-residenti u l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani f’temp ta’ xahar.
Dan intqal mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis waranofsinhar.
Huwa stqarr: “Diġà ppreparati biex malli ningħataw id-direzzjoni li nkunu nistgħu, il-proċess ta’ tilqim skont l-ammonti ta’ dożi, dan jingħata mid-Dipartiment tas-Saħħa. L-għan huwa illi r-residenti f’San Vinċenz u l-ħaddiema u r-residenti kollha fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, il-Knisja, tal-istat u l-privat illi jkunu qed jingħataw id-dożi f’inqas minn xahar.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijet ġie ppreżentat ir-rapport annwali tal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali.
Intqal kif din l-awtorità bidlet l-irwol tagħha matul il-pandemija, hekk kif bdiet tagħmel it-testijiet għall-Covid-19.
Sal-aħħar ta’ Diċembru, din l-Awtorità qassmet 55,000 test lil servizzi ta’ ħarsien soċjali differenti.
Il-ħaddiema ta’ din l-Awtorità għenu sabiex jikkonfermaw ir-riżultati tat-testijiet u kienu jagħmlu t-traċċar tal-persuni li kienu nstabu fil-pożittiv għall-virus.
Din l-Awtorità għenet ukoll sabiex ingħata t-tilqim tal-ewwel u t-tieni doża fid-djar tal-anzjani f’pajjiżna.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità Dr Angele Ellul Fenech qalet kif fis-sena l-oħra kien hemm ksur ta’ rekords f’terminu ta’ żjarat mill-Uffiċċju tal-Ispettorat.
Dan hekk kif bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet kien hemm 2,904 żjarat.
Minn dawn iż-żjarat, ftit iżjed minn 2,200 żjara saru b’mod fiżiku, filwaqt li aktar minn seba’ mitt żjara saru b’mod virtwali.
Permezz ta’ dawn l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali jaraw li jkun offrut servizz tal-ogħla livell fid-djar li joffru servizz soċjali.
Minn dan ir-rapport ħareġ kif l-Uffiċċju tar-Rispons kellu b’kollox 310 każijiet, li minnhom kważi nofshom kienu dwar il-pandemija.
Dawn it-talbiet kienu dwar żjarat, komunikazzjoni u l-kura.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Angele Ellul Fenech qalet kif il-pass li jmiss huwa sabiex din l-Awtorità ikollha aktar servizzi offruti b’mod diġitali.
Hija qalet, “Fosthom qegħdin naraw kif nistgħu f’ċertu formoli jiġu virtwali u b’hekk inkunu iżjed aċċessibli minn kulħadd. Apparti dak qegħdin naraw ukoll sistema ta’ intelligenza artifiċjali ta’ kif se tinġabar id-data u nkunu nistgħu nanalizawha b’mod li nkunu naħdmu f’din is-sitwazzjoni.”