Bħalissa l-awtoritajiet Maltin, fosthom l-Awtorità Ċentrali, qed jinvestigaw u jaħdmu fuq każ ta’ ħtif ta’ tarbija ta’ sena mill-ġenituri tagħha li huma Żvediżi.
Kif spjegat il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tal-Istandards u l-Ħarsien Soċjali, Ruth Sciberras, il-koppja ħarbu minn pajjiżhom lejn Malta bit-tarbija li minħabba raġunijiet li jistgħu jkunu varji, kienet taħt il-protezzjoni tal-awtoritajiet Żvediżi.
“Dan il-każ jittratta tarbija ta’ sena, li l-ġenituri tagħha ħarbu biha mill-Iżvezja u l-awtoritajiet Żvediżi informaw lill-Pulizija Maltija fejn qalulha li din it-tarbija hi taħt il-protezzjoni tas-servizzi tat-tfal tal-Iżvezja u għaldaqstant il-Pulizija, fimkien mat-Taqsima tal-Minorenni tat-Tfal tal-FSWS, waqqfu u ħadu t-tarbija li qiegħda taħt il-kura tal-awtoritajiet Maltin u tinsab tajba.”
L-awtoritajiet Maltin minnufih skattaw proċessi biex it-tarbija tasal qawwija u sħiħa għand l-awtoritajiet Żvediżi.
“Aħna issa nibdew il-ħidma tagħna wkoll mas-Central Authority tal-Iżvezja biex b’hekk naraw li huma jkunu rashom mistrieħa li t-tarbija tinsab tajba kif ukoll jibda l-proċess mal-Qrati biex it-tarbija tmur lura għand l-awtoritajiet tal-Iżvezja peress li hi taħt il-kura tagħhom.”
Ruth Sciberras spjegat li dan il-każ mhux iżolat jew rari, hekk kif l-awtoritajiet jiltaqgħu ma’ każi simili.
“Mhumiex rari daqskemm wieħed jaħseb, minħabba li inti għandek koppji li ġieli jissperaw u jkunu joqogħdu f’pajjiżi differenti u wieħed mill-partijiet ġieli jieħu l-pajjiż tiegħu u jkun hemm ordni tal-qorti biex ma jitlaqx minn dak il-pajjiż, allura tibda l-ħidma biex it-tifel jew tifla jiġu lura.”