Il-Ministru għall-familja, Michael Falzon żvela dettalji ġodda dwar il-mewt traġika tat-tifla Niġerjana ta’ seba’ snin li tilfet ħajjitha fit-tielet Ħadd ta’ Jannar.
Il-Ministru spjega li Victoria Aluko ma mititx b’nuqqas ta’ nutriment kif intqal fil-midja, iżda minħabba kundizzjoni medika li kienet tbati minnha.
Huwa qal li ċ-ċertikat tal-mewt li ngħata l-Ministeru mill-ġenituri taċ-ċkejkna, juri li t-tifla mietet fid-Dipartiment tal-Emerġenza u mhux fil-proprjetà provduta lill-familja tagħha mis-sorijiet tad-Dumnikani.
Il-Ministru rrimarka li dnn l-informazzjoni ma kinitx għand il-Ministeru meta ħarġet l-istqarrija dwar il-mewt tat-tifla.
Huwa qal ukoll li kontra dak spekulat fil-midja, mit-testijiet li saru liż-żewġt aħwa tat-tifla, irriżulta li kienu mitmugħa tajjeb.
Il-Ministru Falzon qal: ”Li għidt għidtu kollu b’rispett lejn l-investigazzjoni indipendenti u lejn l-inkjesta Maġisterjali u fuq kollox b’rispett sħiħ lejn il-memorja ta’ Victoria Aluko. Nappella illi f’okkażjonijiet bħal dawn nuru solidarjeta sinċiera u mux ninqdew b’okkażjoni bħal din għal spekulazzjoni, sensazzjonaliżmu jew aġendi oħra.”