Għad għandha biss tmien snin. Tattendi l-iskola primarja ta’ Marsaxlokk u qiegħda fir-raba’ sena.
Din hi Martina Marducco, it-tifla li ħafna xtaqu li jkunu minflokha; eżattament fil-mument meta flimkien ma’ Jake u l-Prim Ministru Joseph Muscat tfew l-impjant li jaħdem bil-heavy fuel oil. Żejt li għal snin twal kien is-sors ta’ mard respiratorju fil-lokalità li tgħix fiha.
Iltqajna magħha x-xatt ta’ Marsaxlokk u sirna nafuha iżjed mill-qrib. Qaltilna li tħobb toqgħod tilgħab fuq il-kompjuter, tilgħab ma’ ħuha iżgħar minna fil-kamra tagħha u tqis lilha nnifisha bħala ċajtiera. L-aktar suġġett favorit tagħha huwa l-Matematika. “Inħobb naħdem is-somom,” qaltilna Martina, u għandha ħolma li meta tikber tixtieq issir dentista.
Fil-ħin li għamilna flimkien, Martina ma kinitx waħedha, kien hemm il-qraba tagħha fosthom Maurice Bonnici n-nannu tagħha li lil Martina jqisha bħala l-fessuda tiegħu.
Waqt mixja żgħira max-xatt, urietna l-post fejn kienet biex tfiet il-valv li minnu għaddiet l-aħħar qatra tal-heavy fuel oil.
Innutajna li hi tifla pjuttost kwieta u modesta, tant li kellna nsaqsuha aħna dwar l-esperjenza li ħafna xtaqu li għexu.
Bis-sempliċità tagħha u mingħajr tidwir mal-lewża qaltilna x’għamlet eżatt dakinhar; fl-24 t’April, ftit wara s-sebgħa u sittax-il minuta “għamilt l-arja nadifa u issa l-pajjiż ġie iżjed nadif.”
Qabel dan il-mument, Martina qaltilna: “kont qed nħossni eċċitata ħafna u ferħana ħafna.”
Iktar ma bdejna nitkellmu donnha għelbet il-mistħija magħna. Iddeskrivitilna kif minn fuq il-bejt tad-dar tagħha f’Marsaxlokk kienet tara l-mistkerrha ċumnija joħroġ id-duħħan minnha u kienet tipprova tifhem: “Kont ngħid għaliex joqgħod joħroġ?”
Fehmet aħjar fil-mument li kienet protagonista sabiex l-aħħar sħabha sewda tgħib darba għal dejjem. Tant li d-darba li jmiss se jkollha rasha iżjed mistrieħa meta titla’ fuq il-bejt: “Ħa nħossni aħjar għax issa r-raħal ħa jkun iżjed nadif milli kien qabel.”
Staqsejnieha x’ġara minn wara l-kwinti u l-konverżazzjoni li kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat: “Qalilna x’jisimna kemm għandna żmien saqsiena affarijiet hekk.”
L-għada li nkitbet l-istorja, Martina marret l-iskola u hawn qalgħet proset. Mingħand sħabha li f’isimhom tfiet l-impjant li għal snin twal kien sors ta’ problema ta’ mard respiratorju: “Qaluli proset u li kont liebsa sabiħa,” qaltilna Martina.
Spjegatilna kif fil-klassi ftit li xejn tgħallmu fuq il-proġett tal-enerġija u se tagħmel mezz li sħabha jkunu jafu.
“Waqt l-istudji soċjali kienu jkellmuna fuq Marsaxlokk imma qatt ma semmewha l-power station, imma issa se nsemmihielhom.”
U waqt li Martina kienet qed tikteb l-istorja, kien hemm xi ħadd li bid-dmugħ f’għajnejh kien qed isegwi kollox mid-dar. In-nannu tagħha Maurice Bonnici li għex ħajtu kollha Marsaxlokk. Min qatt kellu jgħidlu li kienet se tkun in-neputija u l-fessuda tiegħu, li se titfi pjaga li għal snin twal ix-xlukkajri kienu vittmi tagħha.
“Kburi ħafna,” qalilna Maurice Bonnici filwaqt li jħares lejn in-neputija b’rasu mistrieħa li għal kuntrarju ta’ li għex hu, Martina se tgawdi minn arja nadifa.