Żewġt irġiel, kuġini, li qed jiġu akkużati li pprovaw jaħarqu ħajja omm barra r-residenza tagħha f’Ħaż-Żabbar filwaqt li t-tifel tagħha kien qed jara dak kollu li kien qed jiġru, inżammu taħt arrest wara li l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Alvin Pullicino, ta’ 26 sena u Gavin Spagnol ta’ 21 sena qed jaffaċċjaw akkużi relatati ma’ attentat ta’ qtil ta’ omm żagħżugħa li seħħ fil-21 ta’ Lulju.
Il-vittma, Michelle Camilleri, li hi oħt l-eks sieħba ta’ Pulliċina, kienet allegatament immirata wara battibek li kienu ilu għaddej bejn iż-żewġ familji fejn eventwalment eskala tant li wasal għal dan il-punt – inċident li ħalla effett fuq it-tifel żgħir li ra dak kollu li seħħ.
Il-Qorti ppreserduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, semgħet kif it-tifel tal-vittma, li għandu biss 10 snin, għadu qed jingħata l-għajnuna sabiex jegħleb it-trawma li għadda minnha dakinhar li seħħ il-każ.
It-tifel kien jinsab fil-vettura flimkien ma’ ommu meta Pullicino avviċina l-vettura, fejn waddab il-fjuwil fuq il-vettura u kif ukoll fuq il-vittma.
Meta xehdet fil-Qorti, l-omm spjegat kif it-tifel li kien imwerwer għall-ewwel irrifjuta li jitlaq minn ħdejha hekk kif bdiet tgħidlu biex jaħrab. Kien proprju meta l-akkużat fetaħ il-bieba tal-vettura, li t-tifel ħarab.
L-Ispettur Christabel Chetcuti spjegat kif it-tifel qed jingħata l-għajnuna neċessarja sabiex jegħleb u jgħaddi minn din it-trawma, fejn hu għadu ma xehedx fil-Qorti.
Surġent tal-Pulizija qal fil-Qorti li dakinhar li seħħ il-każ, hu kien stazzjonat fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar, fejn qal li dakinhar l-investigaturi sabu kontenitur aħmar miftuħ barra r-residenza ta’ Pullicino f’Ħaż-Żabbar fejn instab ukoll tap li jaqbel mal-istess kontenitur fuq ix-xena tad-delitt.
Apparti minn hekk is-Surġent qal li hu kien fittex fil-vettura tal-akkużat fejn sab katina tal-ħadid fejn fl-istess waqt innota kif il-vettura minn ġewwa kellha rieħa qawwija ta’ petrol.
Kien proprju għalekk illi l-Qorti ddeċidiet li terġa’ għal darb’oħra ma tilqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ akkużati.
Il-każ mistenni jkompli f’Ottubru li ġej.