Tistgħu timmaġinaw kif ħassewhom it-tfal ċkejknin, flimkien mal-ġenituri tagħhom, hekk kif dalgħodu daħlu fl-iskola primarja ta’ San Ġwann u sabu ruħhom quddiem it-tieqa tad-Dwejra.Is-surmast David Caruana qal li “It-tieqa tad-Dwejra fuq il-faċċata tal-iskola tissimbolizza l-wirt li tlifna iżda bi ftit immaginazzjoni id-Dwejra regħet tfaċċat. Ridna nagħtu l-idea tal-istudenti li jgħaddu mit-tieqa kkulurita tad-Dwejra, bħala l-vjaġġ tagħhom għall-avventura eċitanti u edukattiva, magħmulha possibbli mill-edukaturi tal-iskola”.
L-amministrazzjoni u l-għalliema tal-kinder laqgħu lit-tfal fuq it-tapit l-aħmar, filwaqt li ħolqu atmosfera unika u ferrieħa, bi żfin mal-mużika popolari ‘baby shark’. Żgur li għal dawn it-tfal, l-ewwel ġurnata tagħhom fl-iskola ta’ San Ġwann kienet waħda memorabbli.